Qorti

Raġel jiċħad li seraq kartuna bajd.

Raġel ta’ 31 sena mill-Belt fetaħ kawża għad-danni quddiem it-Tribunal Industrijali għax qed isostni li tkeċċa inġustament mill-kumpanija fejn kien jaħdem. Jonathan Micallef qed jgħid li l-kumpanija Mannarinu Limited, li magħha kien ilu jaħdem għal madwar 12-il sena, keċċietu wara li allegat li seraq kartuna bajd, xi ħaġa li skont hu qatt m’għamel.

Fid-dikjarazzjoni li ppreżenta quddiem it-Tribunal Industrijali, Micallef qal li tul it-12-il sena dejjem kien kompetenti f’xogħlu fejn saħansitra qatt ma ngħata twissija.

Kien fil-15 ta’ Settembru li għadda, għall-ħabta tal-17.00, meta huwa rċieva telefonata mingħand Noel Borg, wieħed mid-diretturi tal-kumpanija. Huwa qal li kien hawnhekk fejn dan xlieh li kien seraq kartuna bajd u li għalhekk l-impjieg tiegħu kien intemm.

Micallef qal ukoll li wara ġimgħa minn din it-telefonata, huwa rċieva ittra mingħand l-accountant tal-kumpanija fejn hemm dikjarat li kellu argument fuq ix-xogħol u li kien għalhekk li telaq l-impjieg. Huwa tenna li għalkemm ikkuntattja lill-kumpanija biex jilmenta dwar ir-raġuni għala tkeċċa, il-kumpanija m’għamlitx hekk.

Waqt li qal li kien sorpriż bit-tkeċċija għax ma kien hemm ebda raġuni valida għal dan, Micallef ċaħad li seraq kartuna bajd u talab kumpens għat-tkeċċija. Id-dikjarazzjoni lit-Tribunal Industrijali kienet ippreżentata f’ismu mill-Avukati Joseph Gatt u David Camilleri.