Lokali

Aġġornata: SB – “Prim Ministru li welled il-kariga tiegħu f’gidba”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat welled il-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru f’gidba – il-gidba li jibni powerstation oħra f’sentejn u, jekk le, jirrizenja. Għalhekk l-uniku għażla li baqagħlu quddiemu l-Prim Ministru hija li jżomm il-kelma li ta u jirriżenja.

Hekk saħaq il-Kap tal-Oppozizzjoni u l-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt li kien qed jiftaħ id-dibattitu parlamentari li matulu kienet diskussa l-mozzjoni tal-Oppozizzjoni dwar il-bini ta’ powerstation ġdida dwar il-wegħda tal-Prim Ministru li l-powerstation titlesta f’sentejn.
Simon Busuttil fakkar li l-wegħda ta’ Joseph Muscat kienet maqsuma fi tnejn;

L-ewwel: li se jibni powerstation f’sentejn biex ikun jista’ jraħħas il-kontijiet.

It-tieni: li jekk ma jlesthiex f’sentejn kif wiegħed, jirriżenja.

Dwar l-ewwel wegħda, il-Prim Ministru kellu jammetti li l-powerstation mhux se jlestiha kif wiegħed minkejja li kemm-il darba qal li l-proġett kien on track. Għaldaqstant, saħaq Simon Busuttil, il-gidba hija ikbar għax il-Prim Ministru kien ilu jgħaddi n-nies biż-żmien għax beża’ jgħid il-verita.

Dwar it-tieni wegħda – dik tar-rizenja – il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li llum l-Oppozizzjoni qed tistenna lill-Prim Ministru jżomm il-kelma tiegħu.

Simon Busuttil fakkar li l-Prim Ministru tant intrabat mas-sentejn li hu stess għazel li biex iħaffef iġib tanker tal-gass f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk. Issa, kompla, Simon Busuttil, il-mistoqsija tqum weħidha.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni spjega li l-proġett mar lura għax il-Prim Ministru inqabad fin-nassa tiegħu stess wara li wiegħed lill-Electrogas li se jixtri l-elettriku mingħandhom u issa anke ċ-Ċinizi li se jixtru l-powerstation tal-BWSC iridu li l-Gvern jixtri l-elettriku mingħandhom bil-konsegwenza li l-pajjiż se jixtri elettriku iktar milli jinħtieġ.

Il-Kap tal-Oppozizzjoni fakkar li wara sentejn jgħid li se jibni powerstation biex iraħħas il-kontijiet, il-Prim Ministru issa qed jgħid li r-roħs ma jiddependix mill-powerstation.
Simon Busuttil qal li wara li l-Oppozizzjoni Laburista kienet tgħid li l-powerstation tal-BWSC kienet fabbrika tal-kanċer, meta kien fil-gvern f’rapport lill-UE qal li qed juża energija nadifa permezz tal-powerstation tal-BWSC.

Wara li l-Prim Ministru rabat il-futur politiku mal-bini ta’ powerstation f’sentejn, issa l-poplu qed jistenna biex jara l-Prim Ministru hux se jżomm kelmtu u jirriżenja. Qed jistenna biex jara l-Prim Ministru hux bniedem tal-kelma jew le, temm jgħid il-Kap tal-Oppozizzjoni.