Lokali

Aġġornata b’Ritratti: Anzjan isir vittma ieħor f’inċident tat-traffiku

Dak li s-soltu kien il-post favorit fejn kien jintefa’ għall-frisk Ġan Patist Azzopardi (ritratt hawn isfel), il-bus stop bl-isem ta’ Antoine fl-Imtarfa, spiċċa l-post fejn l-anzjan ta’ 65 mill-Imtarfa stess tilef ħajtu traġikament it-Tnejn filgħodu.

Kien għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu meta żagħżugħ ta’ sbatax-il sena min-Naxxar, li m’għandux liċenzja imma li kien qed isuq Toyota Tercel ta’ missieru, dar mill-bypass tal-Imtarfa lejn Triq l-Imtarfa.

Kien hawn li hu tilef il-kontroll, mar man-naħa l-oħra tat-triq, rikeb il-bankina u faqa’ bus stop tal-ġebel mill-antiki. Fit-triq ma’ kien hemm l-ebda sinjali ta’ brejkijiet.

Taħt l-istess stage flimkien ma Patist kien hemm ukoll ħatnu, Ġużeppi Vella, magħruf bħala Joey fost sħabu u li għandu 61 sena. Ġużeppi, li wkoll joqgħod l-Imtarfa, ittieħed lejn l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi u jinsab fil-periklu tal-mewt. Filfatt hu ġie operat malli wasal l-Isptar Mater Dei.

Madwar kwarta qabel ħdejhom kien hemm ukoll ħu Patist, Leli.

Fortunatament għaż-żagħżugħ hu rnexxielu joħroġ mit-tieqa tal-vettura tiegħu mingħajr ġrieħi serji minkejja li s-saqaf tal-konkos tal-istess stage ċeda u niżel fuq il-karozza.

Fuq il-post immedjatament waslu żewġ ambulanzi, li ħadu liż-żagħżugħ u lil ħaten il-vittma lejn l-isptar.

Waslu wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili, numru kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Carol Peralta, mgħejun minn diversi esperti tal-Qorti biex jassistuh fl-inkjesta.

Madwar erba’ sigħat wara imbagħad bdiet operazzjoni biex tneħħa s-saqaf minn fuq il-vettura, iċċaqilqet il-karozza u b’hekk seta’ jinġabar il-katavru tal-vittma li wkoll kien mirdum taħt il-ġebel.

Patist kien sewwieq tal-karozzi tal-linja l-antiki qabel beda jsuq il-mini buses u jwassal lit-tfal tal-iskola.

Qraba tal-vittma spjegawlna kif Patist, li fl-istess ġurnata ta’ xahar ilu tilef lil missieru, kien għadu kif ħareġ mill-isptar is-Sibt li għadda wara li ġie operat f’rasu. Hu ddaħħal l-emerġenza wara li beda jinġemalu d-demm f’rasu wara li waqa’ xi xahar u nofs ilu.

Qalulna wkoll li l-vittma ftit qabel l-inċident kien għadu kif kien mar mixja fl-Imtarfa stess, waħda mill-ewwel ħarġiet tiegħu wara li ħareġ mill-isptar.

Ħabib tiegħu qalilna li offrielu li jmur miegħu jagħmel xi qadi imma l-anzjan xtaq jibqa’ jgawdi ż-żiffa fil-post tant għal qalbu fejn kienu jinġemgħu numru t’anzjani jitħaddtu.

Spjegawlna li Patist kien bniedem dħuli u ċajtier ħafna. Kien iħobb l-annimali, speċjalment iż-żwiemel u kellu razzett.

L-inċident seħħ propju faċċata tad-dar tal-istess Patist; blokk bini li fih joqgħodu diversi qraba tal-vittma. Filfatt taħt ir-residenza ta’ Patist hemm ukoll il-ħanut ta’ ħuħ.

Patist Azzopardi