Il-Krizi tal-Ebola kull ma jmur qed tippersisti fuq skala bla preċedent.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ lill-Gvern biex izid l-preparamenti infrastrutturali u operattivi tas-servizzi tas-saħħa pubblika biex dawn ikunu lesti jilqgħu għal kull eventwalita’ mingħajr paniku.
Fl-isfond tal-fatt li l-Gvern se jagħmel Stqarrija fil-Parlament, l-Oppożizzjoni se tkompli tkun pro-attiva u resqet sensiela ta’ proposti oħra intiżi biex ikomplu jsaħħu l-qafas preparatorju ta’ pajjiżna.
L-ewwel proposta mill-Oppożizzjoni hi ‘Screening Obbligatorju’. Il-Gvern għandhu jikkunsidra li jdaħħal screening obbligatorju għal dawk il-passiġġieri li jkunu daħlu fl-UE minn xi pajjiż fir-reġjun li fih hu magħruf li ġew infettati persuni bl-Ebola virus.
It-tieni proposta, minħabba l-fatt li l-Isptar Mater Dei huwa l-uniku Sptar ewlieni ta’ pajjiżna, il-Gvern għandhu jikkunsidra li jiżviluppa faċilita’ separata biex fiha jiġu rikoverati u ttrattati pazjenti li jittestjaw pożittiv għall-Ebola virus.
It-tielet proposta, li l-imsieħba ewlenin kollha fil-qasam tas-saħħa jkunu parti mill-isforz komuni biex tiġi indirizzata din it-theddida. Għaldaqstant il-Gvern għandu jikkunsidra li jistieden lill-Unions u l-Assoċjazjonijiet ewlenin biex huma wkoll jipparteċipaw fil-Kumitat ta’ Moniteraġġ.
Ir-raba’ proposta hi li l-Gvern għandu jikkunsidra wkoll li jigbor reġistru ta’ dawk il-ħaddiema fis-servizzi tas-saħħa li huma verament ippreparati li jagħtu sehemhom fl-eventwalita li jfeġġ każ tal-Ebola virus f’pajjiżna. Minbarra li jingħataw il-kundizzjonijiet xierqa u l-ilbies u apparat neċessarju, dawn il-ħaddiema għandhom jingħataw aktar taħriġ speċjalizzat biex jissaħħulhom il-ħiliet u l-fiduċja tagħhom fihom infushom.
Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li se jsostni l-politika tiegħu li jibqa’ jġib l-interess tal-pazjenti u tas-saħħa pubblika qabel kull kunsiderazzjoni oħra.
Dawn l-erba’ proposti huma prova ċara oħra ta’ kemm l-Oppożizzjoni għandha l-politika tagħha tas-saħħa mibnija fuq l-aġenda tat-tisħiħ tas-saħħa tan-nies.

