Fil-Korp tal-Pulizija ngħataw 41 transfer fil-jumejn ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li għadda.
Dan in-numru hekk kbir ta’ transfers f’jumejn fil-ġranet tal-Ħamis u l-Ġimgħa, 22 u 23 ta’ Mejju, eżatt qabel il-ġurnata tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kien ikkonfermat fil-Parlament mill-Ministru Manuel Manuel, responsabbli mill-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
L-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Mallia fuq mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, immedjatament kif seħħew dawn it-transfers fis-26 ta’ Mejju li għadda.
Jason Azzopardi staqsa r-raġuni wara dawn it-transfers li ġew ordnati fid-dati msemmija lejlet l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Staqsa wkoll lill-Ministru jagħti r-raġuni wara dan in-numru kbir ieħor ta’ transfers, u biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-letter minutes u kull dokument ieħor konness mal-ordni tat-transfers li ngħataw bejn id-19 u t-23 ta’ Mejju li għadda.
Il-Ministru Mallia wieġeb biss, kif kien qed għamel ukoll fi tweġibiet oħrajn li ta b’rabta ma’ transfers li ngħataw tul din is-sena u nofs ta’ Gvern Laburista, li kienu l-esiġenzi tas-servizz li wasslu għal dawn it-transfers.
L-istess tweġiba ngħatat b’rabta ma’ żewġ transfers oħra li saru f’Għawdex fil-jiem ukoll ta’ qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, meta żewġ pulizija tas-CID kienu trasferiti lejn it-Tokk.