Lokali

Filmat: Jacob għamel kuraġġ, wettaq il-ħolma tiegħu u issa beda jattendi l-iskola

Jacob, f’Jannar tal-2013 jkolli nfezzjoni fis-sinus, u wara ħamest’ijiem fl-ENT jieħu l-antibijotiċi beda jsofri minn aċċessjonijiet severi.

Jinstab li l-parti l-leminija ta’ moħħu kienet mimlija materja.

Jacob kien operat, u titneħħietlu parti mill-kranju, imma jiżviluppawlu kumplikazzjonijiet, fosthom blood clot f’moħħu.

Jacob kellu biss ħamsin fil-mija ċans li jsalva u għadu sa llum jbagħti mill-konsegwenzi ta’ dan l-episodju ikrah f’ħajtu.

Hu kellu wkoll jaqbeż sena mill-istudji akkademiċi tiegħu minħabba li l-każ seħħ fl-aħħar sena tas-sekondarja, meta Jacob kien qed jistudja biex jagħmel l-O Levels.

Madankollu Jacob ikompli jiġġieled mal-ħajja u llum qed jirkupra tajjeb ħafna.

Bl-għajnuna tal-ġenituri tiegħu u s-sapport tal-għalliema, Jacob għamel l-O Levels u mar tajjeb, biex din is-sena wettaq il-ħolma tiegħu u beda jattendi l-iskola; esperjenza ġdida hekk kif beda jattendi kors fl-MCAST; dak tal-Business and Commerce.

Iltqajna ma’ Jacob li spjegalna kif din kienet il-ħolma tiegħu u jinsab ħerqan li qed jistudja u jaħdem biex malli jiggradwa jkun jista’ jiftaħ il-ħanut tiegħu stess, ħanut tal-kafe’.

Sarah, tixtieq twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil ġenituri oħra li uliedhom għaddew minn problema ta’ mard jew għaddejin minn xi kundizzjoni biex ma jaqtgħux qalbhom u jinkoraġixxu u jissapportjaw lil uliedhom biex ma jaqtgħux qalbhom.