Lokali Parlament

Il-Gvern ma jgħidx hux se jibqgħu l-istess in-nolijiet tat-trasport pubbliku

Il-Ministru Joe Mizzi ma qalx jekk in-nolijiet tat-trasport pubbliku hux se jibqgħu kif inhuma llum meta jibda jitħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku mill-kumpanija li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet magħha.

L-għan tal-Gvern hu li s-servizz minn din il-kumpanija jibda jitħaddem f’Jannar li ġej.

Għal mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru Mizzi ntalab jgħid jekk in-nolijiet illum hux se jibqgħu l-istess; u jekk hemmx xi struttura ġdida u jekk fl-affermattiv, kif se tkun din l-istruttura u l-prezzijiet applikabbli.

Il-Ministru Mizzi lanqas ma wieġeb kif jista’ jiġi affettwat il-pubbliku li juża s-servizz b’mod regolari meta mqabbel mal-lum, bħalma lanqas ma wieġeb jekk is-sussidju li se jagħti l-Gvern lill-kumpanija l-ġdida, hux se jkun aktar minn €10 miljun fis-sena.

Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Ministru Mizzi wieġeb li mhux prudenti li tingħata informazzjoni f’dan l-istadju li fih għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet.

Il-Ministru Mizzi qal ukoll li l-Kumitat ta’ Aġġudikazzoni ħass li kellu jitlob aktar kjarifiki dettaljati ta’ natura teknika, u sejjaħ lill-kandidat Spanjol f’pajjiżna biex jagħmel dan.