Randolph Debattista, is-sieħeb ta’ Cyrus Engerer, il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li nstab ħati mill-Qorti li xerred ritratti pronografiċi, ingħata kariga ġdida mal-Gvern, fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej fi rwol differenti.
Il-kariga ġdida li issa ngħata Randoplh Debattista kienet ikkonfermata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Ewropej, Louis Grech, fi tweġiba li ta fil-Parlament lid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg.
Id-Deputat Prim Ministru kien mitlub jgħid f’liema kapaċità uffiċjali ġie jew se jiġi impjegat Randolph Debattista, u biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-termini tal-impjieg, inkluż salarji, allowances u perkaċċi oħrajn.
Id-Deputat Prim Ministru ma ta ebda informazzjoni oħra lill-Parlament għall-mistoqsijiet li sarulu mid-Deputat Nazzjonalista. Louis Grech assigura li l-individwu għandu l-kapaċitajiet u l-ħiliet neċessarji biex jaqdi r-rwol tajjeb tiegħu.
Għal mistoqsija oħra dwar jekk is-sejħa għall-impjieg tas-sieħeb ta’ Cyrus Engerer, kienx b’sejħa għall-applikazzjonijiet jew b’mod dirett, id-Deputat Prim Ministru responsabbli mill-Affarijiet Ewropej żied li Randolph Debattista ngħata kariga oħra ta’ “position of trust” wara li diġà kien jokkupa kariga oħra tal-istess natura mal-istess Ministeru.
Nhar l-Erbgħa li għaddew, il-gazzetta Malta Independent żvelat li Cyrus Engerer u s-sieħeb tiegħu Randolph Debattista, ingħataw impjiegi f’karigi għolja fi Brussell mill-Gvern Malti.
Il-gazzetta wkoll irrappurtat li l-impjieg li għandu llum Cyrus Engerer, b’responsabbilta li jikkoordina x-xogħol tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru mal-istituzzjonijiet tal-UE, daħal fis-seħħ minn xahar wara li kien instab ħati mill-Qorti, meta wkoll kellu jirtira l-kandidatura tiegħu minn kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Fil-konfront ta’ Cyrus Engerer, il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet sabet lill-kandidat Laburista Cyrus Engerer ħati li xerred ritratti pornografiċi tal-eks partner tiegħu, ma’ persuni oħrajn biex ipattihielu talli telqu u javvelih ma’ sħabu u anke ma’ min iħaddmu. L-istess Qorti kienet tat sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs lil Cyrus Engerer.
24 siegħa wara s-sentenza tal-Qorti, Cyrus Engerer kien ingħata merħba ta’ eroj mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività tal-Partit Laburista. Attività li kienet indirizzata biss minn Muscat u minn Engerer stess – l-għada li ngħatat is-sentenza mill-Qorti.
//= $special ?>

