Lokali

Jaħarbu milli jwieġbu dwar al-Harati

It-Tlieta wara nofsinhar il-Prim Ministru Libjan Abdullah al-Thani u numru ta’ ministri Libjani li jiffurmaw parti mid-delegazzjoni li qed iżżur pajjiżna, komplew bit-taħdidiet tagħhom mal-gvern Malti.

Il-qofol tad-diskussjonijiet bilaterali kienu jiffukaw fuq is-sigurta’ fil-Libja u l-importanza tal-istabbilta’ f’dan il-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq bl-għan li tiżdied ukoll is-sigurta’ fil-Mediterran, l-Ewropa u dik globali.

U kien propju dwar is-sigurta’ li dan l-istazzjon xtaq isaqsi lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u lil dak Libjan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi tmiem din il-ġurnata ta’ laqgħat bejn iż-żewġ naħat.

Xtaqna nistaqsu liż-żewġ Prim Ministri dwar Mahdi al-Harati, is-Sindku ta’ Tripli li iktar kmieni dan ix-xahar kellu żjara privata f’pajjiżna.

Al-Harati hu mfittex mill-Gvern Spanjol b’rabta mal-attakk terroristiku f’Madrid fl-2004 meta nqatlu 191 persuna u hu assoċjat ukoll mal-Al Qaeda tant li jirreferu għalih bħala Osama l-ġdid.

Fid-dawl tal-istorja dwar din iż-żjara, żvelata fil-ġurnal il-mument, dan l-istazzjon kien għamel mistoqsijiet lill-Ministru tas-Sigurta’ Nazzjonali Manwel Mallia dwar għaliex il-gvern Malti ma jqisx lil al-harati bħala bniedem perikoluż, jekk ġiex offrut xi sigurta’ kemm dam f’pajjiżna, jekk talabx li jkollu għassa miegħu u jekk għandux xi konnessjoni ma’ Libjani li ddaħħlu f’pajjiżna għal trattament mediku jew inkella mal-każ tal-Malti li kien maħtuf fil-Libja fis-Sajf.

Dawn il-mistoqsijiet ġew injorati mill-Minsitru mallia allura ħassejna li jkun ideali li jsiru matul konferenza tal-aħbarijiet dwar is-sigurta’ fil-Libja u fil-Mediterran, fil-preżenza tal-Prim Ministru tal-Libja stess u dak ta’ pajjiżna.

Madankollu l-Prim Ministru ħa biss mistoqsijiet minn tliet ġurnalisti, bil-kooridinatur tal-komunikazzjoni tiegħu, Glen Bedingfield, jinjora sinjali li l-ġurnalist tagħna għamel bl-għan li jkollu l-opportunita’ jressaq il-mistoqsijiet tiegħu. Anke’ l-cameraman tagħna nforma lill-istess Bedingfield li xtaqna nressqu l-mistoqsijiet tagħna imma anke’ dan kien injorat.

L-iskuża kienet li l-ġurnalisti l-oħra kienu nfurmawh minn qabel li xtaqu jagħmlu l-mistoqsijiet.