Qorti

Jispiċċa l-Qorti biex jgħatti każ tat-traffiku ta’ ibnu

Raġel ta’ 55 sena minn Ħal-Qormi spiċċa l-Qorti biex jgħatti reat li wettaq ibnu f’inċident tat-traffiku li kien seħħ fil-5 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra fejn xi persuni kienu spiċċaw weġgħu ħafif.

George Falzon ammetta li meta ibnu Joseph Falzon, li għandu l-eta’ tiegħu u kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Mitħna f’Ħal-Qormi stess, hu ħa r-responsabbilita’ kollha fuqu tal-inċident biex ibnu ma jidħolx fl-inkwiet.

Falzon, li fil-ħin tal-inċident kien passiġġier ma’ ibnu, qal li kien hu li ħabat bil-karozza.

Huwa ammetta li ma kienx informa lill-Pulizija dwar dan u li għamel rapport falz. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tar-reat u li l-imputat ammetta għalih u li fi stadju bikri huwa stess mar jgħid lill-Pulizija bil-fatt li wasslu għal dan il-każ.

Falzon ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien 18-il xahar. Għalih deher l-Avukat Edward Gatt filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.