Qorti

L-Assoċjazzjoni Medika titfa’ r-responsabbilita’ fuq l-MUMN dwar is-saħħa tal-pazjenti

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi protest li ppreżentat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-MUMN qed tpoġġi f’riskju s-saħħa tal-pazjenti bl-atteġġjament tagħha id-direttivi li hija qed tagħti dwar kif għandhom jiġu ammistrati l-mediċini.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li l-Malta Union of Midwives and Nurses ħarġet direttivi biex b’effett mill-1 ta’ Novembru li ġej ma jkomplix jiġi osservat il-protokol stabbilit u prattikat għal bosta snin ta’ kif għandhom jiġu amministrati l-mediċini lill-pazjenti fis-swali tal-isptarijiet f’Malta u f’Għawdex.

L-Assoċjazzjoni Medika qalet li l-iskop li jiġi stabbilit dan il-protokol fl-amministrazzjoni tal-mediċini huwa biex jiġi assigurat kontroll aħjar u effiċjenti fl-uċu tal-istess mediċini li wħud minnhom huma ta’ natura mportanti għas-saħħa tal-istess pazjent, u dan minbarra għal finijiet ta’ “audit trails” relattivi.

Il-protest jgħid li ċertament dan il-protokoll ma jikkonsistix f’biċċiet ta’ karti li ma jiswew xejn, kif kien deskritt mill-MUMN. L-Assoċjazzjoni qalet li d-direttivi maħruġa mill-MUMN huma abbużivi, irresponsabbli u jiksru l-provedimenti tal-liġi.

Dan peress li l-infermiera u l-qwiebel huma legalment u moralment obbligati li josservaw b’mod sħiħ il-protokoll stabbilt meta jamministraw il-mediċini lill-pazjenti fis-swali tal-isptarijiet kollha f’Malta u Għawdex, u dan biex tiġi assikurata s-saħħa u s-sigurta’ tal-pazjenti.

L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li dawn id-direttivi nħarġu meta ma teżisti l-ebda tilwima industrijali skont il-liġi. Qalet ukoll li hija qed tiddikjara li bl-ebda mod ma tista’ tinżamm responsabbli għall-kull dannu u ħsara li tista’ ssir fil-konfront tal-pazjenti minħabba d-direttivi.

Għalhekk minn issa stess qed tgħid l-Assoċjazzjoni qed iżomm responsabbli lil MUMN għal kull dannu ħsara li tista’ ssir lill-pazjenti. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat Robert Abela.