Il-Partit Nazzjonalista nieda l-ewwel Konvenzjoni Ġenerali tiegħu li se ssir fi tmiem il-ġimgħa bejn il-Ġimgħa 24 u l-Ħadd 26 ta’ Ottubru fil-lukanda Corinthia San Ġorġ f’San Ġiljan. It-tema ta’ din il-Konvenzjoni Ġenerali hija Idea Malta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said spjega l-idea wara din il-Konvenzjoni Ġenerali. “Idea Malta għaliex waqt il-Konvenzjoni Ġenerali rridu, bħala Partit, nisimgħu l-ideat ta’ bosta persuni li mhumiex fil-Partit Nazzjonalista dwar kif jaraw lil Malta tiżviluppa fis-snin li ġejjin,” sostna Chris Said. Chris Said qal li din hija opportunita’ għal kull persuna li trid tikkontribwixxi fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.
Il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici spjegat kif l-idea tal-Konvenzjoni Ġenerali twieldet fid-diskussjoni li saret qabel saru l-aħħar emendi għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Dik tal-weekend li ġej hija l-ewwel Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u għaliha huma mistiedna kemm it-tesserati kollha tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll nies oħra li mhumiex tesserati iżda jixtiequ jisimgħu u jagħtu l-ideat tagħhom. Paula Mifsud Bonnici spjegat kif se tkun mqassma din il-Konvenzjoni, hekk kif matul it-tliet t’ijiem tal-Konvenzjoni se jkunu qed jiġu indirizzati diversi suġġetti ta’ importanza b’ħarsa lejn il-futur u l-viżjoni ta’ pajjiżna.
Preżenti kien hemm ukoll il-President ta’ din l-ewwel Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, li se tkun qed tmexxi s-sessjonijiet tal-Ġimgħa filgħaxija, s-Sibt filgħodu u l-Ħadd filgħodu. Hi spjegat li tinsab onorata ħafna li ntgħażlet f’din il-kariga u fil-passat dejjem żammet lura milli tagħti sehma fil-partit iżda issa tħoss li dan hu l-mument li wieħed jagħti l-kontribut tiegħu fil-Partit Nazzjonalista għall-ġid ta’ pajjiżna. Thake ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi u jkun parteċipi mhux biss billi jisma’, iżda anke billi jieħu sehem fl-interactive workshops li se jsiru s-Sibt filgħodu.
//= $special ?>
