Il-Ministru Konrad Mizzi ntalab mill-Ispeaker jirtira l-allegazzjoni li għamel ilbieraħ fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista George Pullcino u fin-nuqqas ta’ dan, jissostanza l-allegazzjonijiet li għamel fil-Parlament. F’każ li l-Ministru Konrad Mizzi ma jikkorraborax l-allegazzjonijiet, is-Sedja ssib lill-Ministru Mizzi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ kontra d-Deputat Nazzjonalista George Pullicino u tirreferi l-każ lill-Kumitat dwar il-Privileġġi.
Quddiem dawn it-tliet deċiżjonijiet tal-Ispeaker, il-Ministru Mizzi baqa’ jinsisti li mhux se jirtira l-allegazzjoni li għamel fid-dibattitu tat-Tnejn li għadda fil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li l-Parlament kien qed jiddikskuti dwar il-wegħda li ma żammx il-Prim Ministru Joseph Muscat li jibni power station ġdida sa Marzu li ġej.
Fil-Parlament, il-Ministru Mizzi qal il-kliem “Taf kemm jgħidu fuqek kull negozjant li jeżisti f’Malta”.
Mitlub mill-Ispeaker Anġlu Farrugia jiddikjara jekk hux se jirtira din il-kliem kif kienet qed titlob is-Sedja fid-deċiżjonijiet li ta b’rabta mal-allegazzjonijiet li għamel, il-Ministru Mizzi baqa’ jinsisti li mhux se jirtira dak li qal ilbieraħ, u qal li kien qed iressaq numru ta’ dokumenti biex jikkorrabora l-allegazzjonijet li għamel.
L-Ispeaker qal li se jeżamina dak li qal il-Ministru Mizzi u d-dokumenti li ressaq, u jagħti deċiżjoni oħra dwar jekk il-Ministru Mizzi hux ħati ta’ ksur ta’ privileġġ.
L-Ispeaker, fid-deċiżjoni tiegħu, irrimarka wkoll b’referenza diretta lill-Ministru Mizzi, li qatt m’għandu jonqos mir-rispett fi-lmod kif jindirizza Membru Parlamentari, fid-dawl tal-mod kif indirizza lid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino.


