Internazzjonali Sport

Pistorius jintbagħat ħames snin ħabs

Il-familja ta’ Steenkamp sodisfatta bis-sentenza

L-atleta Paralampiku Oscar Pistorius intbagħat ħames snin ħabs talli qatel lill-għarusa tiegħu, il-mudella Reeva Steenkamp, fl-14 ta’ Frar tas-sena l-oħra fid-dar tiegħu.

Fil-Qorti fi Pretoria, l-Imħallef Thokozile Masipa tatu wkoll sentenza sospiża ta’ tliet snin fuq użu ta’ armi. Huwa ttieħed minnufih fiċ-ċella fil-ħabs ta’ aka Kgosi Mampuru fiċ-ċentru ta’ pretoria fejn se jkollu ċella għalih waħdu.

Il-Prosekuzzjoni talbet għal minimu ta’ 10 snin priġunerija waqt li d-difiża argumentat li għandu jservi l-priġunerija fid-dar tiegħu u jagħmel ukoll servizz lill-kommunità.

Pistorius instab ħati ta’ qtil involontarju u mhux premeditat.
L-avukat difensur Barry Roux qal li l-klijent tiegħu kien mistenni li jiskonta 10 xhur fil-ħabs u l-kumplament jagħmilhom arrestat f’darhu.

Wara li nqrat is-sentenza jingħad li l-ġenituri ta’ Reeva, Steenkamp, Barry u June kienu sodisfatti bis-sentenza u jħossuhom mistrieħa li l-każ spiċċa.

Min-naħa tiegħu, Dup De Bruyn, avukat tal-familja Steenkamp qal li jħoss li ‘saret ġustizzja’.

Qabel bdiet taqra s-sentenza l-imħallef Thokozile Masipa għamlitha ċara li għalkemm kienet megħjuna minn żewġ assessuri oħra tul is-smiegħ kollu, s-sentenza finali kienet purament tagħha.
“Is-sentenza hi li wieħed jikseb bilanċ. Is-sentenza mhix l-eżerċizzju perfett.”

Hija qalet li jrid ikun hemm bilanċ bejn tpattija, deterrent u ribalitazzjoni u wara rrevediet fil-qosor il-provi li nġiebu fil-Qorti.

Hija ddeskriviet il-provi tax-xhud tad-difiża u l-ħaddiema soċjali Annette Wergeer bħala ‘traskurati u diżappuntanti’.

Vergeer kienet argumentat li Pistorius se jkun ferm aktar “vulnerabbli minn bniedem normali fil-ħabs”.