Lokali

Raġel jinstab midrub f’għalqa fil-Qrendi – Fil-periklu tal-mewt

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li instab fi Triq il-Biżantini, fil-Qrendi.

Il-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei għall-ħabta tas-siegħa u kwart (0115hrs) li kienet iddaħlet persuna bi ġrieħi serji wara li kienet instabet midruba f’għalqa fl-imsemmija triq.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li minn aktar stħarriġ irriżulta li waqt li żewġ nisa kienu mixjien fit-triq innutaw persuna mixħuta fl-għalqa u talbu għall-assistenza. Sussegwentement, ġie stabbilit li l-vittma kien qarib tan-nisa.

Il-vittma, raġel ta’ 54 sena residenti l-Qrendi stess, ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajjtu.

Investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilita d-dinamika tal-każ.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Carol Peralta li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta appuntata.