Qorti

Wara li kumpanija Taljana allegat li kumpanija Maltija ssuplixxita b’xogħol ħażin….

Issir ċaħda fil-Qorti bi Q Stone Ltd. tgħid li għandha tieħu €250,000

Il-kumpanija Maltija Q Stone Limited f’risposta li għamlet fil-Qorti għal protest li sar mill-kumpanija Taljana Cff Filiberti, waħda mill-kuntratturi li qed taħdem fil-bini tal-Parlament il-ġdid, ċaħdet bil-qawwa kollha li kienet qed tagħtiha xogħol ħażin u mhux fil-ħin. Għaldaqstant il-kumpanija Maltija qed tirriżerva d-dritt biex fi żmien ħames t’ijiem, tibda’ proċeduri ulterjuri għad-danni jekk dawn l-allegazzjonijiet ma jiġux irtirati.

Dan minkejja li l-kumpanija Taljana m’għandhiex fondi biex tħallasha, tant li għandha dejn magħha ta’ kwart ta’ miljun ewro, hija xorta baqgħet taqdi dmirha, u tissuplixxi x-xogħol. Dan ingħad f’kontro protest li għamlet il-kumpanija Maltija fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ġimgħa wara l-protest li kien sar mill-kumpanija bbażata Parma.

Il-kumpanija Taljana qed tixli lill-kumpanija Maltija, li mhux biss qed tisuplixxi xogħol ħażin ta’ blokki tal-ġebel, iżda x-xogħol mhuwiex frekwenti kif kien miftiehem u b’konsegwenza ta’ dan hija qed tiġi mmultata mill-Gvern ta’ Malta.

Il-kontro-protest jgħid li n-nuqqasijiet ġejjin unikament mill-kumpanija Taljana li naqqset li tonora l-obbligi tagħha wara ftehim li sar bejn it-tnejn fis-6 ta’ Novembru li għadda. Ingħad li kienet il-kumpanija CFF Filiberti Srl li kemm il-darba naqqset li kemm il-darba tiġbor il-konsenja tal-provvisti mingħand il-kumpanija Q Stone Limited, li minn naħa tagħha qatt ma waqfet.

Il-kumpanija Maltija qalet li li fid-dawl ta’ dan kollu issa qed tirriżerva d-dritt li twaqqaf ix-xogħol tagħha skont il-liġi u tfittex lill-kumpanija Taljana għad-danni skont il-liġi, u anke li tfittex lill-CFF Filiberti għall-allegazzjonijiet pubbliżi u foloz li għamlet.

Il-kontro-protest jgħid ukoll li huwa tassew ta’ għajb li l-kumpanija Taljana akkużat lill-kumpanija Maltija b’xi nuqqasijiet u li rrikorriet għall-mezzi tax-xandir bħala l-forum, xi ħaġa li żgur mhijiex ideali u dan biex tipprova tagħmel ħoss, għaliex taf li t-teżi tagħha qatt ma hija se ssib konfront fil-Qorti. Il-kontro-protest ġie ffirmat mill-Avukat William Cuschieri.