Lokali Unjoni Ewropea

Approvata l-Kummissjoni-Juncker

L-Unjoni Ewropea issa għandha Kummissjoni Ewropea ġdida wara l-vot b’saħħtu tal-Parlament Ewropew favur il-Kummissjoni-Juncker. Il-Kummissjoni-Juncker, li issa tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru, kienet approvata b’423 vot mis-699 vot tal-MEPs. 209 ivvotaw kontra, filwaqt li 67 astjenew.

Ir-riżultat intlaqa’ tajjeb fil-Parlament Ewropew, għalkemm numru ta’ MEPs bdew jgħaddu kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz u anke fil-konfront ta’ Juncker. Min-naħa tiegħu, waqt konferenza tal-aħbarijiet wara r-riżultat, Schulz esprima l-fiduċja tiegħu fil-President-elett tal-Kummissjoni, u saħaq li jemmen li Juncker hu bniedem ta’ suċċess għall-Unjoni Ewropea.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Juncker qal li vot daqstant b’saħħtu juri li l-Unjoni Ewropea hi konvinta mill-għażla tiegħu.

Il-votazzjoni li approvat il-Kummissjoni-Juncker ttieħdet fi tmiem seduta li saret l-Erbgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Is-seduta nfetħet mill-President-elett, li spjega lill-MEPs il-ħidma li saret wara d-diversi seduti ta’ smigħ li huma stess segwew mill-Kummissarji nominati.

Juncker qal li mhix l-intenzjoni tiegħu li jkun dittatur u lanqas qed jippretendi li l-Kummissarji Ewropej il-ġodda jobdu għal dak li jiddeċiedi hu akkost ta’ kollox. Juncker qal li segwa dak li qalu l-Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitati rispettivi dwar in-nomini ppreżentati quddiemhom. Għaldaqstant, għamel ftit tibdiliet f’din il-Kummissjoni l-ġdida.

Il-President-elett ħabbar li sema’ mill-qrib dak li qalulu l-Kumitati, tant li fost oħrajn żied is-settur tas-Sostenibbiltà fil-portafoll tal-Viċi President Frans Timmermans. In-nuqqas ta’ dan is-settur fil-Kummissjoni-Juncker dehret waqt is-smigħ tal-Kummissarju-nominat Malti Karmenu Vella, hekk kif l-MEPs stennew li dan is-settur ikun fil-portafoll tal-Ambjent.

Juncker fakkar ukoll li fix-xhur li għaddew għamel pressjoni fuq il-Gvernijiet Ewropew għal aktar nisa fil-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, u minkejja l-pressjoni li għamel fuq il-Gvernijiet Ewropej, din il-Kummissjoni se jkollha biss disgħa Kummissarji Ewropej li se jkunu nisa.

Filwaqt li qal li dan in-numru hu l-istess ta’ kemm kien hemm nisa fl-aħħar Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jose Manuel Barroso, Juncker qal li xorta jemmen li dan in-numru hu wieħed “patetiku”. Fix-xhur li għaddew, kien magħruf li anke l-Gvern Malti kellu pressjoni biex jinnomina mara bħala Kummissarju Ewropew.

Fl-intervent tiegħu, Jean Claude Juncker għamilha ċara wkoll li l-Kummissjoni li se jmexxi hu m’għandha l-ebda intenzjoni li żżid stati membri ġodda għax żieda fil-membri mhuwiex vijabbli għall-UE. Madankollu, wiegħed li anke permezz ta’ tibdil fil-portafoll li se jkun qed jitratta t-tkabbir fl-Unjoni, il-Kummissjoni-Juncker se tagħmel dak kollu possibbli biex jitgħaġġel il-process għas-sħubija, għalkemm dan mhux se jkun biżżejjed biex jiżdiedu l-membri fil-ħames snin li ġejjin.

Sadanittant, meta tkellem dwar suġġetti oħrajn, Jean Claude Juncker qal li l-UE trid tagħmel aktar dwar l-ISIS għax dan hu l-għadu tal-valuri Ewropej. Dwar l-Ebola, qal li jinsab inkwetat li sakemm il-problema kienet għadha l-Afrika, l-UE m’għamlet xejn. Iżda mbaghad, l-UE bdiet tagħmel xi ħaġa biss meta l-problema bdiet toqrob lejn l-Ewropa. “Imissna bdejna nagħmlu xi ħaġa qabel”, sostna Juncker.

Tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni, fejn sostna li Uffiċjali tal-UE u oħrajn qrib il-Kummissjoni Ewropea li se jkun qed imexxi marru l-Afrika biex jaraw b’għajnejhom stess is-sitwazzjoni hemm. Barra minhekk, Juncker wiegħed ukoll li se jipprovdi aktar riżorsi u flus lill-aġenżija Ewropea tal-fruntieri, Frontex, biex tikkontrolla aħjar is-sitwazzjoni.

Waqt id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew, tkellmu wkoll numru ta’ membri mid-diversi gruppi politiċi. Fost oħrajn, kemm iċ-Chairman tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, kif ukoll iċ-Chairperson tal-grupp tas-Soċjalisti Gianni Pittella esprimew l-appoġġ tal-gruppi rispettivi lejn Kummissjoni l-ġdida u lejn Juncker.

Issa jmiss li l-lista sħiħa tal-Kummissarji Ewropej tittieħed quddiem il-Kunsill tal-Ministri għall-approvazzjoni formali tagħhom.

Il-Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia tkellmu ma’ dan l-istazzjon ftit minuti wara l-votazzjoni fil-Parlament Ewropew.

Sadanittant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Martin Schulz fakkar li din il-Kummissjoni se tkun l-ewwel waħda eletta skont it-Trattat ta’ Lisbona. Hu awguralu għall-mod kif irnexxielu jispjega u eventwalment jikkonvinċi lill-MEPs.

Min-naħa tiegħu, Juncker qal li fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew hu u Schultz kienu kompetituri iżda qatt ma kienu għedewwa. Anzi, il-kompetizzjoni ta’ bejniethom għamlithom aktar qrib ta’ xulxin għax iż-żewġ karigi jitolbu ħidma bejniethom.

Iż-żewġ kelliema sostnew li qed iħarsu ‘l quddiem biex jitkellmu lkoll b’vuċi waħda.