Iċ-Ċhampions Ġermaniżi Bayern Munich taw wirja inkredibbli kontra Roma biex ħarġu bi tliet punti faċli mill-Istadio Olimpico. Fil-verita, il-pubbliku f’Ruma assista għal xita gowls fost il-maltemp kontinwu u fejn ma żvolġiet qatt it-taqtigħa ħarxa mistennija bejn żewġ tims li għaddejjin minn forma tajba f’pajjiżhom — bil-Bayern jibnu vantaġġ ta’ xejn anqas minn ħames gowls sal-mistrieħ u jagħmlu prattikament li riedu tul il-logħba.
It-telfa finali 1-7 hi anki l-agħar waħda ta’ Roma fl-Olimpico mindu ġarrbu d-disfatta storika (bl-istess skor) kontra Torino fis-sena 1946.
GRUPP E
Il-kwalifikazzjoni ta’ Bayern Munich għall-fażi tan-knockout taċ-Champions League hi biss formalita wara annullaw lil Roma, bit-Taljani jikkrollaw mindu Arjen ROBBEN fetaħ l-iskor wara tmien minuti. Il-Ġermaniżi ma ħafrux u sal-mistrieħ, żiedu erba’ gowls oħra minn Mario GOTZE, Robert LEWANDOWSKI, Robben, u Thomas MULLER minn penalty. Fit-tieni taqsima Roma wieġbu minn GERVINHO, iżda Franck RIBERY u Xherdan SHAQIRI skurjaw is-sitta u s-seba’ gowls għall-umiljazzjoni totali.
Iċ-Champions Ingliżi Manchester City għadhom ifittxu l-ewwel rebħa mill-grupp wara li raw vantaġġ ta’ żewġ gowls jisfuma fl-aħħar 25 minuta tal-konfront ma’ CSKA Moska fl-Arena Khmiki. Sergio AGUERO poġġa lil City fil-vantaġġ u James MILNER irdoppja qabel il-mistrieħ, iżda CSKA naqqsu l-iżvantaġġ minn Seydou DOUMBIA u għamluhom 2-2 mill-penalty ta’ Bedras NATCHO wara foul fil-kaxxa fuq Doumbia.
GRUPP F
Barċelona damu biss seba’ minuti biex jiksbu l-vantaġġ ma’ Ajax Amsterdam, bl-attakkant Brażiljan NEYMAR isib Ix-xibka fuq il-pass ta’ Leo Messi u b’MESSI jagħmilhom 2-0 qabel in-nofs-siegħa. Fit-tieni taqsima Ajax naqqsu d-distakk minn Anwar EL GHAZI, iżda l-Blaugrana kellhom l-aħħar kelma bit-tielet gowl minn Sandro RAMIREZ fid-90 minuta.
Intant, Paris St Germain tħabtu ħafna biex jegħlbu lil Apoel Nicosia f’Ċipru, bil-gowl deċiżiv jasal minn Edison CAVANI, tliet minuti mit-tmiem.
GRUPP Ġ
Chelsea ikkonsolidaw posthom f’ras il-grupp b’rebħa faċli fuq is-Sloveni ta’ NK Maribor fi Stamford Bridge. Loic REMY poġġa lill-Blues fil-vantaġġ, b’Didier DROGBA jiskorja penaltu u b’John Terry jagħmilhom 3-0 sal-mistrieħ. Il-valanga, kompliet b’awtogol ta’ Mitjar Vilar, b’Eden HAZARD jiskorja l-ħames gowl minn penalty u bl-istess player jgħaqqad nofs-tużżana fid-90 minuta. F’din il-logħba Maribot anki tilfu penalty minn Agim Ibraimi li laqat sieq il-lasta.
Schalke 04 kisbu rebħa drammatika fuq Sporting Lisbon f’Gelsenkirchen fejn il-Portugiżi marru fil-vantaġġ minn Luis NANI qabel tkeċċielhom id-difensur Mauricio Dos Santos — b’Schalke jiksbu d-draw minn Chinedu OBASI. Fit-tieni taqsima il-Ġermaniżi għamluhom 3-1 minn Klaas-Jan HUNTELAAR u Benedict HOWEDES, b’doppjetta ta’ Adrien SILVA (wieħed minn penalty) għal Sporting jaċċerta tmiem eċċitanti. Schalke, imbagħad, ħadu l-punti fl-aħħar nifs mill-penalty ta’ Eric CHOUPO-MOTING.
GRUPP H
Porto għadhom kmandi ta’ dan il-grupp b’seba punti wara li għelbu lil Athletic Bilbao 2-I fil-Portugall, b’gowls ta’ Hector HERRERA u Ricardo QUARESMA; bi Guillermo FERNANDEZ HIERRO jikseb id-draw momentarju għall-Ispanjoli.
Intant, BATE Borisov sofrew umiljazzjoni kbira 0-7 ma’ Shakhtar Donetsk f’Minsk għal logħba oħra mingħajr storja. L-Ukreni daħlu jistrieħu sitt gowls minn fuq grazzi għal Alex TEIXEIRA, Luiz ADRIANO (4) u Douglas COSTA, b’Adriano jiskorja l-ġames gowl tiegħu u s-seba’ wieħed għal Shakhtar minn penalty fit-tieni taqsima.
//= $special ?>

