Sport

Cannavaro investigat dwar evażjoni tat-taxxa

L-eks captain tat-tim nazzjonali Taljan Fabio Cannavaro u martu qed ikunu investigati dwar evażjoni ta’ taxxa. Rapporti fil-midja Taljana qed isostnu li Cannavaro evada madwar miljun ewro f’taxxa bejn l-2005 u l-2010. L-assi li jammontaw għal madwar miljun ewro ġew konfiskati mill-pulizija tat-taxxa. Fost dawn l-assi Cannavaro kellu jott li suppost kien qed jinkera imma jidher li l-awtoritajiet indunaw li dan il-jott kien fil-fatt tal-koppja. L-aġenzija tat-taxxa fl-Italja ikkonfermat ir-rapporti fil-midja imma ma tat l-ebda dettalji.

Minn naħa tagħhom, l-avukati ta’ Cannavaro ippubblikaw stqarrija fejn qalu li l-assi kienu biss tal-mara ta’ Cannavaro, u mhux tal-eks plejer ta’ Juventus u Real Madrid. Tul dawn l-aħħar snin fl-Italja kien hemm diversi personalitajiet sportivi li ġew investigati fuq evażjoni ta’ taxxa. Fost dawn kien hemm is-sewwieq Valentino Rossi u l-eks plejer tal-futbol Diego Maradona. Riċentament din is-sena l-attakkant ta’ Barcelona Lionel Messi u missieru wkoll ġew investigati b’evażjoni ta’ taxxa fi Spanja.

Fl-2006 Cannavaro kien rebaħ it-Tazza tad-Dinja filwaqt li fl-2011 irtira mill-futbol bl-aħħar klabb li lagħab miegħu jkun dak ta’ Al Ahli. Attwalment Cannavaro hu ambaxxatur u assistent kowċ ta’ Al Ahli.