Lokali Parlament

Il-kumpanija Spanjola tibda f’Jannar li ġej …il-Ministru Mizzi ma jgħidx min akkumpanjah fiż-żjara fi Spanja

Il-Ministru Joe Mizzi li qiegħed imexxi t-taħditiet mal-kumpanija Spanjola dwar it-tħaddim tas-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, filwaqt li qal li l-mira hi li servizz ġdid tat-trasport mill-kumpanija l-ġdida jibda minn Jannar li ġej, ma riedx jagħti informazzjoni dwar min akkumpanjah meta għamel żjara lill-kumpanija Spanjola fi Spanja.

Għal mistoqsijiet fil-Parlament li saru mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-trasport pubbliku, Toni Bezzina, il-Ministru Joe Mizzi għażel li ma jagħtix informazzjoni dwar l-uffiċjali u persuni li akkumpanjawh fi Spanja għand wieħed mill-bidders tal-espressjoni ta’ interes.

B’rabta mat-taħditiet li għaddejjin mal-kumpanija Spanjola, il-Ministru Mizzi fil-Parlament qal li minħabba differenza kbira fl-ammont ta’ Public Service Obligation, li hu s-sussidju, mitlub b’rabta mat-tħaddim tas-servizz pubbliku, ħass li kellu jkun preżenti waqt din l-evalwazzjoni sabiex jassigura li ma jkunx hemm sorpriżi.

Għal aktar mistoqsijiet li għamel id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru Mizzi qal li mhux prudenti li jagħti informazzjoni dwar l-uffiċjali u persuni li akkumpanjawh fi Spanja għand wieħed mill-bidders tal-espressjoni ta’ interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, u f’liema kapaċità għamlu dan.