Lokali

Imut l-anzjan li kien isellem lit-turisti fil-Port il-Kbir

Mad-dħul ta’ kull cruise liner fil-Port il-Kbir, it-turisti kienu dejjem issibu raġel bilqiegħda fuq is-swar tal-Belt jxejjer il-bandiera tan-nazzjon tagħna. Tista’ tgħid li dan il-ġest ħelu kien ikun ftit mill-ħafna affarjiet sbieħ li t-turisti kienu jaraw x’ħin jidħlu ġewwa l-isbaħ port fl-ewropa.

Dan il-ġest tista’ tgħid li kien dejjem jintlaqa’ tajjeb mit-turisti abbord dawn il-vapuri lussuzi li fuqhom ikunu qed jagħmlu l-ġita tagħhom. Ħafna kienu wkoll jsellmu b’mod reċiproku il-dan ix-xwejjaħ bi mkatar u dak kollu li jiġi f’idejhom.

Sfortunatament dan il-ġest sabiħ ta’ Charles Cremona, ġest li juri mħabba lejn art twelidu u lejn il-bandiera, intemm mal-mewt tiegħu, ilbieraħ filgħaxija, fl-eta ta’ 72 sena.

Dan il-ġest kien sar parti mir-rutina ta’ Cremona hekk kif kwazi kuljum kien issellem il-cruise liners, kemm dawk li jkunu deħlin kif ukoll dawk li jkunu ħerġin minn dan il-port mgħoni bl-isbaħ xeni tal-istorja Maltija.

Charles hu kien mill-Belt Valletta, kien devot ta’ San Pawl u xi nies mill-Belt qalulna li  kien jirraġuna li qed jilqa’ lil dawn it-turisti bħal ma’ Pawlu ġie milqugħ minnha l-Maltin fis-sena 60 A.D.

Charles Cremona kien isostni li hu jibqa’ jxejjer il-bandiera t’art twelidu sakemm Alla jagħtieh is-saħħa, u infatti hekk baqa’ jagħmel sal-aħħar ta’ ħajtu.

(Ritratt: Times of Malta)