Lokali

It-tielet paga ta’ Carmelo Abela: €30,000 oħra fis-sena

Carmelo Abela għandu pakkett finanzjarju ieħor ta’ €30,000 fis-sena – dan bħala impjieg fil-kariga tiegħu bħala kelliem tal-Gvern; kariga ġdida li ħoloq Gvern Laburista.

Dan qalu l-istess Carmelo Abela waqt ir-recording tal-programm Iswed fuq l-Abjad li jixxandar wara Newsfeed.

Hu ġġustifika l-paga li jaqla’ billi qal li meta kien jaħdem fis-settur privat probabli kien jaqla’ iktar milli jaqla’ llum-il ġurnata. Barra minn din il-paga, Abela jaqla’ wkoll il-paga tiegħu bħala whip tal-Gvern kif ukoll l-onorarja bħala membru parlamentari.

Mistoqsi mill-preżentatur Frank Psaila dwar x’inhu eżatt xogħlu bħala kelliemi tal-Gvern, Carmelo Abela qal li hu mhux biss inkarigat mill-organizzazzjonijiet ta’ konferenzi tal-aħbarijiet imma wkoll xogħol ieħor li jgħaddilu l-Prim Ministru. Skont hu ħafna drabi dan ikun xogħol intern.

Madankollu l-istess Carmelo Abela ammetta li kemm il-gvern u hu stess irid jidra iktar din il-kariga’ ġdida u jkompli jevolviha iktar ma’ jgħaddi ż-żmien.