AĠĠORNAMENT (9)
Ġie konfermat li s-suldat li ntlaqat fl-isparatura ta’ dalgħodu f’Ottawa miet kawża tal-ġrieħi li ġarrab. Is-suldat kien qrib il-Monument tal-Gwerra, ftit metri ‘il bogħod mill-Parlament Kanadiż.
Is-Sindku ta’ Ottawa saħaq illi jinsab ixxukjat b’dak li seħħ dalgħodu fil-belt Kanadiża. Fi stqarrija hu qal illi l-awtoritajiet Kanadiżi qed jagħmlu minn kollox biex jinqabdu l-persuni li kienu l-moħħ wara dan l-att li ħasad lil bosta. Wara minuti ta’ terrur, jidher li issa s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll.
Serje ta’ sparaturi fiċ-ċentru tal-belt
Qed ikun meqjus bħala att terroristiku dak li seħħ fil-Kanada fejn persuna jew persuni mhux magħrufa wettqu serje ta’ sparaturi f’Ottawa (l-Erbgħa fl-10am, ħin tal-Kanada). Fil-mira kien hemm il-Parlament Kanadiż, is-suq ta’ Ottawa kif ukoll lukanda li tinsab fil-viċin. L-aħħar informazzjoni tindika li l-awtoritajiet qed jinvestigaw il-mottiv wara dawn it-tliet sparaturi.
Malli bdew jiżviluppaw dawn l-aħbarijiet, mal-ewwel inħareġ avviż sabiex in-nies jibqgħu ġewwa u ma joħorġux fit-toroq. Studenti fl-Universita’ ta’ Ottawa ġew infurmati li l-lezzjonijiet tagħhom tħassru, iżda sar appell qawwi biex ma jħallux l-Universita’ qabel jinħareġ avviż ieħor. Qalulhom ukoll biex iżommu ‘il bogħod mit-twieqi.
Aktar kmieni…
Filmati li qed jixxandru BĦALISSA fuq networks internazzjonali juru xeni ta’ tħassib kbir f’Ottawa wara li persuni kienu involuti fi sparatura. Jidher li hemm ukoll xi persuni li daħlu fil-Parlament Kanadiż f’Ottawa.
Fl-isparatura, li seħħet għall-ħabta tal-4pm ħin ta’ Malta, ntlaqat wieħed mis-suldati li kien għassa qrib il-Monument tal-Gwerra f’Ottawa.
Issa qed jingħad li kien ukoll sparatura fis-Suq tal-istess belt. Fil-fatt, l-awtoritajiet qed jinvestigaw tliet sparaturi li seħħew b’mod simultanju f’din il-belt Kanadiża fl-għodwa tal-Erbgħa.
Nies fil-post qed jiddeskrivu dak li seħħ bħala “xena ta’ terrur”.
Il-Prim Ministru Kanadiż Stephen Harper jinsab f’post sigur, filwaqt li l-persuni kollha fil-Parlament Kanadiż ġew evakwati.
AKTAR INFORMAZZJONI HEKK KIF TASLILNA
//= $special ?>



