L-Oppożizzjoni Nazzjonalista elenkat fil-Parlament għadd ta’ punti u proposti lill-Gvern fil-ħidma li qed titwettaq fuq livell nazzjonali biex pajjiżna jindirizza l-isfida marbuta mal-preparazzjoni ta’ kull eventwalità fil-kriżi tal-epidemija tal-Ebola.
Wara stqarrija li għamel fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearn, id-Deputat Nazzjonalista u kelliem dwar is-Saħħa, Caudio Grech, esprima apprezzament tal-istqarrija li għamel is-Segretarju Parlamentari kif ukoll tax-xogħol tal-ħaddiema f’dan is-settur.
Fil-punti li ressaq lill-Gvern b’rabta mal-preparazzjoni li qed jagħmel pajjiżna, Claudio Grech staqsa lis-Segretarju Parlamentari meta se jibda l-iscreening fil-points of entry tal-ajruport u fil-portijiet, u jekk hemmx it- taħriġ u l-apparat neċessarju. Talab ukoll jispjega x’qed isir biex tintuża l-informazzjoni tax-Schengen li hi disponibbli għall-Gvern dwar il-mobbiltà tal-persuni li jaslu pajjiżna.
Staqsa wkoll dwar il-preparazzjoni tal-linji tal-ajru li joperaw lejn pajjiżna u jekk għandhomx l-apparat u lbies protettiv f’każ ta’ xi suspettt ta’ infezzjoni.
Mistoqsija oħra kienet dwar jekk il-Gvern għandux reġistru ta’ Maltin li jistgħu jkunu esposti għal din il-marda u kif qed jipprepara l-Gvern dwar meta jaslu f’pajjiżna Maltin li huma f’dawk ir-reġjuni milquta, u kif qiegħed iħares l-interessi tagħhom.
Staqsa wkoll jekk hux qed jikkunsidra li persuni li f’xi żminijiet ikunu f’dawn ir-reġjuni milquta, ma jitħallewx jagħtu demm għal żmien partikolari, u jekk hemmx diskussjonijiet fl-Ewropa marbuta mal-vaċċin ta’ din il-marda.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll lill-Gvern jgħid x’qed isir mal-armata u mal-pulizija b’rabta mas-sitwazzjonijiet li jirriżultaw ma’ katavri li jittellgħu l-baħar, u x’tip ta’ lbies protettiv jintuża u x’taħriġ qed jingħata.
Talab lill-Gvern jikkunsidra isolation unit barra Mater Dei, u jgħid xi preparamenti saru fl-iskejjel u x’diskussjonijiet mal-MUT u mal-MHRA f’dawk li huma preparamenti ma’ każijiet li jiżviluppaw fil-lukandi u x’qed isir fil-komunità u mat-tobba tal-familja, għaliex dawn ikunu fuq quddiem tal-kura primarja.
Staqsa jekk hux il-ħsieb li jingħata taħriġ lit-tobba u l-infermiera fil-qasam tal-kura primarja.
Talab ukoll għal reġistru dettaljat ta’ dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-settur tas-saħħa li lesti jaħdmu fil-kura ma’ din il-marda, u dan biex nagħrfu r-riżorsi li għandna u li kapaċ u huma mħarrġa fil-kura. Dawn il-ħaddiema għandu jsirilhom arranġamenti b’rabta ma’ life insurance għalihom u l-familja tagħhom minħabba r-riskju u l-biża’ li jiġu infettati b’konsegwenzi li jistgħu jkunu serji.
Talab lill-Gvern jinkludi aktar stakeholders fil-Kumitat ta’ Monitoraġġ ta’ dan l-operat, kemm lill-MAM, l-MUMN, il-UĦM u assoċjazzjonijiet oħrajn li jirrappreżentaw il-ħaddiema li huma fuq quddiem ta’ dan ir-riskju.
Esprima l-appoġġ tal-Oppożizzjoni biex din it-theddida tkun indirizzata.
Wara aktar mistoqsijiet u kjarifiki li talbu d-Deputati Laburisti Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia, u d-Deputati Nazzjonalisti Giovanna Debono, Jason Azzopardi, Robert Arrigo u Frederick Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa kompla jispjega l-ħidma li għaddejja f’pajjiżna fosthom il-miżuri li diġà ttieħdu, u li qed jiżdiedu aktar ma qed tiżdied l-epidemija fl-Afrika.
Inħatar Kumitat għall-Monitoraġġ tal-virus tal-Ebola fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, saret preparazzjoni dettaljata tal-proċeduri operattivi bbażati fuq evidenzi internazzjonali u evalwazzjonijiet tax-xenarji possibbli u eżerċizzju ta’ taħriġ mal-istakeholders kollha.
Ħidma oħra li qed titwettaq, fisser is-Segretarju Parlamentari Chris Fearn, qed issir fil-postijiet ta’ dħul f’pajjiżna, fl-ajruport u fil-portijiet. Attenzjon wkoll qed tingħata fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u f’kull settur tas-saħħa fejn hu antiċipat li jista’ jkun hemm involviment ta’ pazjenti, anke fil-gżira ta’ Għawdex.
Tkellem ukoll dwar il-faċilitajiet li qed jitwaqqfu fl-Isptar Mater Dei u li fis-sezzjoni tal-Infection Unit twaqqfet High Degree Isolation Interim Facility u preparamenti fit-taqsima tal-emerġenza fl-oqsma relatati mas-sistemi, mal-istaff, mat-tagħmir, mal-iscreening u fit-taħriġ.
Chris Fearn ikkonkluda li quddiem din l-epidemija li hi theddida serja,, irridu nkunu kuraġġużi u determinati u li bħala pajjiż irid jagħmel dak kollu possibbli biex tingħata l-aħjar protezzjoni lill-poplu bil-koperazzjoni ta’ kulħadd.
L-Oppożizzjoni tagħti l-proposti lill-Gvern dwar il-kriżi tal-Ebola
