Id-dibattitu ta’ nhar it-Tnejn imsejjaħ mill-Oppożizzjoni dwar il-gideb tal-Prim Ministru Joseph Muscat fuq power station oħra li mhijiex se tkun lesta sa ħames xhur oħra kif wiegħed u l-wegħda falza tiegħu li jirriżenja f’dan il-każ ma wieġeb xejn mill-mistoqsijiet tan-nies, fosthom ta’ Deputata Laburista li wkoll qed tagħmilhom. Minflok, fid-dibattitu l-Prim Ministru Muscat kompla jigdeb quddiem it-talba raġunata tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex iżomm kelmtu kif wiegħed.
Simon Busuttil b’diskors qawwi, sod u ċar
Simon Busuttil kellu diskors qawwi, sod u ċar quddiem il-gravità ta’ dak li ġara fl-aħħar ġranet meta kellna l-bniedem li jokkupa l-ogħla kariga eżekuttva fl-Istat Malti, il-Prim Ministru, jigdeb u jigdeb fuq il-gideb tiegħu biex jipprova jaħrab mill-wegħda li għamel hu stess, qabel u wara l-elezzjoni, li jirriżenja jekk ma jibnix power station oħra sa ħames xhur oħra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni jispjega kariga ta’ Prim Ministru bbażata fuq gidba
Id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament bena l-premessi – ħafna premessi – biex wasal għal konklużjoni qawwija ħafna, imma li ħadd, lanqas Muscat, ma jista’ jiċħad, li l-Prim Ministru Joseph Muscat ibbaża l-karriera politika tiegħu u l-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru fuq gidba.
Karriera politika ta’ Joseph Muscat ibbażata fuq gidba dwar l-Ewropa
Kif qal Simon Busuttil, Muscat hu politikant li welled il-karriera politika tiegħu f’gidba; dik li kien jirrepeti Joseph Muscat li nidħlu fl-Unjoni Ewropea kien ħażin.
Kariga ta’ Prim Ministru bbażata fuq gidba kbira u wegħda falza
U kif kompla jispjega l-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat welled anke l-kariga tiegħu ta’ Prim Ministru fuq gidba u fuq wegħda falza; il-gidba li jibni power station oħra f’sentejn u, jekk le, jirriżenja.
Il-kelma ta’ Joseph Muscat ma tiswa xejn
Id-diskors ta’ Simon Busuttil fl-aħħar kellu l-konklużjoni li lanqas ħadd ma jista’ jiċħad li Joseph Muscat hu Prim Ministru li ma jżommx kelmtu, li l-kelma tiegħu ma tiswa xejn u li ma jista’ jemmnu ħadd. Lanqas Muscat stess ma ċaħad dan għax fil-fatt irreaġixxa bit-tgħajjir u b’aktar gideb.
Joseph Muscat jibqa’ jigdeb bil-goff
F’intervent ta’ ftit minuti f’reazzjoni għad-diskors qawwi ta’ Simon Busuttil, il-Prim Ministru reġa’ kompla jikkonferma kemm jigdeb. Reġa’ gideb, bħalma kien għamel it-Tnejn stess filgħodu, li hu ma wiegħedx li jirriżenja jekk ma jibnix power station oħra fil-ħames xhur li baqa’ sa Marzu li ġej. Gidba qawwija li tinduna kemm hi gidba goffa meta tara b’għajnejk u tisma’ b’widnejk it-tweġiba ta’ Muscat għal dak li staqsieh dak li hu stess għamel Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS, Reno Bugeja, f’Dissett f’għeluq l-ewwel sena ta’ Joseph Muscat ibbażata biċ-ċar fuq gidba.