Lokali Parlament

Prima facie każ ta’ ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Konrad Mizzi

L-Ispeaker iddikjara li hemm prima facie każ ta’ ksur ta’ privileġġ dwar l-allegazzjonijiet li għamel il-Ministru Konrad Mizzi fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicin, u se jressaq il-każ quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi

F’ruling li ta l-ispeaker Anġlu Farrugia, illejla, iddikjara li hemm prima facie każ ta’ ksur ta’ privileġġ wara li l-Ministru Mizzi ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet kontra d-Deputat Nazzjonalista. Huwa baqa’ jinsisti li bl-ebda mod ma jirtira dak li qal.

Ir-ruling ingħata wara l-allegazzjonijet li għamel fil-Parlament il-Ministru Konrad Mizzi waqt dibattitu ta’ nhar it-Tnejn meta kienet qed tiġi diskussa mozzjoni tal-Opożizzjoni dwar il-bini tal-Power Station il-ġdida li mhux se tkun lesta sa Marzu li ġej kif imwiegħed mill-Prim Ministru Joseph Muscat u li dwarha wiegħed li jirreżenja.

L-Ispeaker iddikjara fid-deciżjoni tiegħu, li se jressaq il-każ quddiem il-kumitat tal-privileġġi.

Ir-ruling jispjega li Mizzi ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet bid-dokumenti mressqa fil-Parlament b’rabta mal-każ.

Wara dan ir-ruling, l-Ispeaker waqqaf lill-Ministru Mizzi jitkellem dwar id-dokumenti li ressaq fil-Kamra lbieraħ b’rabta mal-allegazzjonijiet li għamel. L-Ispeaker qal li d-deċiżjoni tas-sedja hi finali u ma tistax il-Kamra tiddiskuti dwarha.

Immedjatament qam jitkellem il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella li ressaq ksur ta’ privileġġ kontra dak li qal id-Deputat Nazzjonalista George Pullicno meta fis-seduta tal-bieraħ qal kliem fis-sens li d-Deputati tal-Kamra huma indaf anqas minnu. Il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern, Carmelo Abela, qal li kien qed iressaq dan il-każ f’isem il-Grupp kollu tal-Gvern.

Mitlub mill-Ispeaker hux lest li jirtira dan il-kliem, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li għax hu deputat responsabbli, hu qed jiddefendi l-kredibbiltà u l-indafa tiegħu mingħajr ma jikkompara ma’ ħadd, u għalhekk kien qiegħed jirtira dak il-kliem għax għandu rispett lejn il-Parlament.

F’dan il-mument, l-Ispeaker reġa’ talab lill-Ministru Konrad Mizzi jekk hux lest li jirtira l-allegazzjonijiet u l-kliem li qal fil-Parlament, bil-Minstru Mizzi jibqa’ jirrifjuta li jirtira l-allegazzjonijiet li għamel fil-konfront tal-membru tal-Oppożizzjoni.

Għal kummenti li baqa’ jgħaddi l-Ministru Konrad Mizzi, il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, ressaq ksur ta’ privileġġ kontra l-Ministru Konrad Mizzi għall-kliem li qal fis-sens li issa wkoll fuq Facebook kulħadd qed jitkellem dwar il-każ.

George Pullicino ddikjara hawnhekk li jieħu kull passi legali kontra kull min jagħmel attakki personali kontrih u jitkellem bid-drittijiet kollha li tagħtih il-liġi barra l-Parlament.