Hekk kif l-awtoritajiet Kanadiżi għadhom għaddejin bl-istħarriġ marbuta mal-att terroristiku qrib il-Parlament fil-kapitali Ottawa, dan is-sit jista’ jikkonferma li s’issa m’għandu l-ebda rapporti ta’ Maltin li kienu fiż-żona fejn seħħew l-isparaturi tal-Erbgħa. Fil-Kanada, partikolarment f’Toronto, Ottawa u Quebec, hemm jgħixu mijiet ta’ Maltin u ċittadini b’dixxendenza Maltija. Nies li tkellmu magħna ikkonfermawlna li hemm anke Maltin jaħdmu f’Ottawa, kif ukoll studenti b’ċittadinanza Maltija li jattendu l-Universita’ fil-kapitali. Iżda fil-ħin li seħħ dan il-każ, ma jirriżultax li kien hemm Maltin qrib il-Parlament jew fil-bini tal-Parlament.
L-Universita’ ta’ Ottawa kien wieħed mill-bini li ngħalaq wara l-isparaturi. Anke ċ-ċentru tal-kapitali għamel sigħat twal litteralment “issiġillat” minn kull forma ta’ moviment.
Fl-attakk tal-Erbgħa nqatel suldat biswit il-Monument tal-Gwerra (ritratt) kif ukoll inqatel wieħed mill-persuni li wettqu dan l-att. Sal-Erbgħa filgħaxija kienet għadha għaddejja tfittxija għat-tieni persuna li qed jingħad li kien involut f’dawn l-isparaturi li seħħet barra l-Parlament, fil-bini tal-Parlament u f’suq li jinsab fil-viċin.
//= $special ?>

