Tnediet il-ħames edizzjoni tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’.
Din id-darba il-ktieb fih ukoll riċetti mħejjija mir-raġel tal-President, Edgar Preca.
Edgar Preca, li jsajjar u dilettant tat-tisjir ukoll, qal li waqt li ktieb għandu riċetti tajbin, l-għan prinċipali tal-ktieb huwa li jagħmel il-ġid u jiġbor il-flus għal dawk in-nies li huma morda.
Kull personalità ħejjiet 8 riċetti bi tmien temi differenti, b’hekk il-ktieb se jkollu 10 riċetti f’kull tema. It-temi jinkludu riċetti tajbin għas-saħħa, l-ewwel platt, għaġin jew ross, laħam, ħut, tjur, platt veġetarjan, u deżerta jew ħelu. Din is-sena wkoll hemm riċetti tajbin għal dawk li ma jittollerawx il-glutina.
Preca qal li l-prezz tal-kura għall-mard bħal kanċer kull ma jmur qiegħed jizdied u hemm bzonn li l-fond komuni jkompli jikber.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca minn naħa tagħha qalet li ċ-ċikli ta’ kura illum qed jiswew l-eluf t’ewro. Hija qalgħet li sal-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena kien hemm madwar 500 pazjent li marru għall-kura barra.
Hija fakret li l-bejgħ ta’ dan il-ktieb huwa biss ta’ 10 ewro u ħeġġet lin-nies biex jixtruh, għax mhux biss ikunu qed jitgħallmu jsajru aktar izda jkunu qed jgħinu lil dawk fil-bzonn. Hija rringrazzjat lil kull min ta kontribuzzjoni u għen b’xi mod fit-tfassil tal-ktieb fejn minbarra s-Sur Preca, il-personalitajiet jinkludu lil Manuel Aquilina, George Borg, Nancy Buhagiar, Neil Darmann, Aaron Degabriele, Joseph Mizzi, Liz Said, Mark Schembri u Karmen Tedesco. Hija qalgħet li meta tixtri l-ktieb tkun tista’ tibda’ tiekol tajjeb, filwaqt li tkun qed tgħin lil ħaddieħor jgħix aħjar.
Il-flus tal-bejgħ tal-ktieb kollha se jmorru għall- Community Chest Fund.
//= $special ?>