Iz-Żagħżugħ ta’ 17-il sena, minn Naxxar, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mixli bi qtil involontarju tal-anzjan John Baptist Azzopardi, pensjonat ta’ 65 sena mill-Imtarfa, l-lokalita’ fejn seħħ l-inċident nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tal-10.20 a.m.
Huwa ingħata l-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera tal-akkużi miġjubin kontrih. Huwa tressaq mill-Ispettur Edel Mary Camilleri li xlietu li bi traskuraġni, jew nuqas ta’ tħaris tar-regolamenti mhux biss ikkaġuna l-mewt ta’ Azzopardi, iżda wkoll kkommetta ġrieħi gravi fuq Joseph Vella, ukoll mill-Imtarfa.
Iz-zagħzugħ ġie mixli li bi traskuraġni ħabat bil-karozza u kkaġuna ħsara għad-danni ta’ sid il-karozza, ħsara li tiswa aktar minn elf ewro u li kkaġuna ħsara f’bus shelter għad-danni tal-Gvern ta’ Malta, li tammonta għal madwar €2,300.
Huwa ġie mixli wkoll li seraq karozza, li saqha meta ma kellux liċenzja u polza ta’ assikurazzjoni, u mingħajr il-permess tas-sid tagħha u li saqha b’veloċita’ eċċessiva. Għall-akkużat deheru l-Avukat Giannella Demarco u Gianluca Caruana Curran.
//= $special ?>