Lokali

Filmat: Żiemel jaqa’ f’gandott

Il-bypass tal-imrieħel. Waħda mit-toroq ewlenin tal-pajjiż li fiha ġraw diversi inċidenti koroh u anki fatali.

Bypass li hi magħmula għal karrozzi u biex tevita t-traffiku miċ-ċentru ta’ Santa Venera u l-Ħamrun, imma li f’diversi okkażjonijiet tispiċċa korsa taż-żwiemel b’numru ta’ dilettanti jsuqu ż-żwiemel tagħhom f’din it-triq.

Din is-sitwazzjoni waslet għal inċident gravi li fih żiemel li kien fit-triq spiċċa waqa’ ġo gandott li hemm mikxuf fil-ġenb u li hu ta’ periklu anki għall-pubbiku li jkun għaddej mit-triq.

Kif jidher f’dawn il-filmati, iż-żiemel spiċċa ġo gandott dejjaq bl-ebda tama li jista’ jsalva għall-fatt li ma kienx hemm spazju minn fejn dan joħroġ.

Immedjatment fuq il-post inġabru numru ta’ persuni li quddiem din is-sitwazzjoni għamlu l-almu kollu tagħhom biex iż-żiemel ikun salvat.

Imma dan kien diffiċli jsir għall-fatt li ż-żiemel kien qed ibagħti u ma kienx possibbli li dan jinħareg mill-gandott dejjaq.

L-uniku soluzzjoni kienet li ż-żiemel jitraqqad għal ftit hin sakemm jinġieb lifter li seta’ jgħollih mill-gandott.

Is-sid taż-żiemel sostna li hu gibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet koncernati diversi drabi dwar dan il-periklu.

Il-fatt li din it-triq tintuza regolarment miż-żwiemel wassal biex dan l-inċident ma jkunx l-ewwel wieħed.

Wara ħafna ħin ta’ tbagħtija għaż-żiemel, mill-gandott iż-żiemel ittella ‘l fuq lejn l-art, u beda jingħata l-ewwel għajnuna mis-sidien tiegħu.

Dan l-inċident ikompli jikkonferma kemm hemm bżonn ta’ regoli biex jipproteġu lill-annimali u biex it-toroq Maltin ikunu hielsa minn perikli li jista’ jkollhom konsegwenzi gravi.

Filmat ta: Raniero Borg