Fl-2010, Muscat niżżel in-nies fit-toroq jipprotesta għal żieda ta’ €1.16
Ninsabu f’sitwazzjoni fejn Gvern suppost jagħti benefiċċju minn naħa biex imbagħad jieħdu lura minn banda ohra.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Opposizzjoni dwar il-Finanzi Tonio Fenech qal li ż-żieda ta’ 58 ċentezmu fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja hi l-inqas waħda għal hafna snin. Hu fakkar li bejn l-2008 u s-sena li għaddiet, iż-żieda medja għall-għoli tal-ħajja kienet ta’ 3, 84 centezmu fil-ġimgħa, bl-ogħla rata ta’ iktar minn €5 fil-ġimgħa għall-inqas rata li kienet ta’ €1.16 fl-2010.
Tonio Fenech fakkar li f’dik is-sena, Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, kien niżżel in-nies fit-toroq biex jipprotesta kontra żieda tal-għoli tal-ħajja li kienet id-doppju ta’ dik li qed jagħti illum.
Hu qabbel ir-rata medja tal-COLA ta’ dawn l-aħħar snin li kienet tammonta għal madwar €200 fis-sena. Min-naħa l-oħra, iż-żieda għall-għoli tal-ħajja mogħtija mill-Gvern ta’ Muscat hi ta’ €30 fis-sena. Differenza li hi ferm ikbar minn kwalunkwe roħs li setgħu ibbenefikaw minnhom il-familji mit-tariffi tad-dawl u l-ilma.
Tonio Fenech sostna li dan jidher ukoll meta wieħed iqis l-ammont ta’ flus li l-COLA tpoġġi fil-bwiet tan-nies u l-ekonomija. B’din il-COLA il-Gvern naqqas il-flus fil-bwiet tan-nies b’€40 miljun meta mqabbla mal-medja u huma iktar mit-€30 miljun li l-Gvern stess qal li poġġa fil-bwiet tan-nies bir-roħs fil-kontijiet.
Bid-diskrepanzi jkompli jikbru meta wieħed ifakkar kif il-familji qed ikollhom iħallsu 30ċ iktar għal kull litru petrol u 24ċ għal kull litru diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt hu fost l-iktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar 4 snin
Tonio Fenech qal li ż-żieda ta’ 58ċ fil-ġimgħa mhux biżżejjed u hemm bżonn kumpens addizzjonali għall-pensjonanti u familji l-iktar vulnerabbli li d-dħul tagħhom ma’ jaqbisx €11,000 fis-sena.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-PN għax-xogħol u l-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilita’ Stephen Spiteri qal li din iż-żieda mhux aħbar tajba għal ħafna familji li huma qrib il-faqar soċjali. Fakkar ukoll li din iż-żieda diġa ittieklet kollha miż-żidiet fil-miżati tal-eżamijiet tal-Matsec waħedhom kif ukoll minn żidiet oħra fosthom għall-liċenzji tal-karozzi u l-liċenzji tas-sewqan. Dan kollu jfisser li familji fil-bżonn żgur mhux se jlaħħqu mal-ispejjeż dejjem jiżdiedu, temm Stephen Spiteri
//= $special ?>