Jibqa’ jinsisti li l-poplu mhux se jkun intimidat
Il-Prim Ministru tal-Kanada, Stephen Harper, insista li pajjiżu mhux se jkun intimidat wara l-qtil ta’ raġel armat li, nhar l-Erbgħa, kien involut fi sparatura fil-bini tal-Parlament f’Ottawa. Harper, intant, fisser lill-aggressur bħala terrorist u wiegħed li għandu ‘jirdoppja’ l-isforzi kontra t-terroriżmu, u l-Parlament reġa’ ltaqa’ lbieraħ.
M’hemmx konferma uffiċjali li l-isparatura fil-Parlament kienet konnessa direttament mal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS). Dan wara li l-Kanada ħabbret li se tissieħeb mal-kampanja tal-koalizzjoni internazzjonali (taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti) li qed tibgħat il-qawwiet tal-ajru kontra t-terroristi tal-ISIS li okkupaw ir-reġjuni fis-Sirja u l-Iraq.
L-armat li wettaq l-isparatura f’Ottawa kien Kanadiż – Michael Zehaf-Bibeau – li kkonverta għall-Iżlam. L-aggressur, intant, spiċċa joqtol suldat fl-inħawi tal-Monument tal-Gwerra ta’ Ottawa qabel daħal fil-Parlament fejn kienu sparati diversi tiri.
L-inċident seħħ l-għada li Musulman qatel suldat ieħor f’Quebec. Il-Prim Ministru Harper fisser dan l-inċident bħala parti minn kumplott ‘ispirat mill-ISIS’.
Ir-Reġina Eliżabetta, li hi l-Kap tal-Istat tal-Kanada, qalet li hi xxukkjata b’dawn l-inċidenti, waqt li l-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, esprima l-kundanna tiegħu. Il-Prim Ministru Harper sostna li l-awturi tal-azzjonijiet vjolenti mhuma se jsibu l-ebda kenn f’pajjiżu. Madankollu, hu ammetta li t-terroriżmu jista’ jolqot lill-Kanada wkoll, li qed tieħu l-miżuri kollha biex telimina t-theddida. Harper qal li, ’il quddiem, l-awtoritajiet se jkunu jafu aktar dwar l-aggressur u jekk kellux ukoll il-kompliċi.
Sadanittant, żdiedet is-sigurtà madwar il-bini tal-Gvern f’Ottawa u bliet Kanadiżi oħra, bil-qawwiet tas-sigurtà f’pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Awstralja wkoll jieħdu ħsieb il-miżuri addizzjonali madwar l-ambaxxati u l-konsulati tal-Kanada.
//= $special ?>


