Il-Management tal-kumpanija Toly Products li tinsab fil-qasam industrijali ta’ Bulebel mill-bieraħ beda jinforma lill-ħaddiema li fil-bidu ta’ Novembru se tidħol fis-seħħ ġimgħa ta’ tlett ijiem minħabba li f’dan iż-żmien tas-sena l-kumpanija għaddejja minn mument relattivament kwiet.
Madankollu l-Management tal-kumpanija serraħ ras il-ħaddiema li minn tmiem Novembru li ġej l-affarijiet se jerġgħu lura għan-normal minħabba li l-kumpanija għadha kemm rebħet kuntratt qawwi mingħand kumpanija Svediża li jammonta għal madwar 2.2 miljun ewro fis-sena.
Minħabba f’dan il-kuntratt il-kumpanija għadha kemm investiet f’impjant u f’makkinarju ġdid biex hekk tkun f’pożizzjoni li tagħmel ix-xogħol mirbuħ f’dan il-kuntratt.
Ħaddiema li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru t-tħassib tagħhom għall-fatt li se jkollhom jaħdmu xi ġimgħat fuq bażi ta’ tlett ijiem xogħol biss u l-kumplament ikun forced leave.
Huma qalu li ma jieħdux gost li l-kumpanija tisfurzahom jieħdu l-leave sfurzat minħabba li tkun għaddejja minn diffikultajiet. Madankollu, żiedu l-istess impjegati li tkellmu magħna, huma lesti jagħmlu dan is-sagrifiċċju la darba jkollhom il-futur tal-impjieg tagħhom garantit.
Ta’ min jgħid li f’Malta l-kumpanija Toly Products, li timmanifattura kaxxi tal-plastik għal prodotti tas-sbuħija, fetħet il-bibien tagħha lura fi tmiem is-snin sittin u llum tħaddem aktar minn 300 persuna.
Il-kumpanija Toly Products irnexxielha mhux biss tagħmel isem sabiħ għaliha, imma anki għal pajjiżna grazzi wkoll għall-ħaddiema bieżla u ħawtiela li jitgħallmu malajr u kapaċi jipproduċu prodotti tal-aqwa kwalità kif mitluba minn kumpaniji kbar internazzjonali li l-isem tagħhom hu minn ta’ quddiem fis-swieq tal-moda.
//= $special ?>