Futbol Sport

Futbol imtappan: ġlied fi Bratislava; attakkati l-plejers ta’ Napoli

AĠĠORNATA (3)

Fl-Iżvizzera, wara t-telfa ta’ Napoli kontra Young Boys kien hemm xi inkwiet hekk kif il-kowċ bil-plejers fiha ġiet attakkata minn partitarji ta’ Napoli stess, fejn id-diżappunt għall-wirja negattiva kien evidenti. Inċidenti vjolenti anke fi Bratislava (ritratt) waqt il-partita bejn Slovan u Sparta fejn il-logħba ġiet sospiża għal kwazi 40 minuta.

Aktar kmieni…

Il-Pulizija fil-belt Franċiż ta’ Lille kellhom jużaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu l-folla ta’ supporters ta’ Everton li bdew joħolqu inkwiet b’kant ta’ intimidazzjoni qabel il-partita valida mill-UEFA Europa League. Is-sitwazzjoni tant kienet gravi li diversi rapporti qed jiddeskrivu l-Pjazza ta’ Charles de Gaulle bħala post li għal xi ħin inbidel f’żona ta’ gwerra.

L-inkwiet kien ilu mistenni sa mill-ġurnata ta’ qabel meta grupp ta’ Ultras sostenituri tat-tim Franċiż daħlu f’ħanut tax-xorb u attakkaw żewġ supporters ta’ Everton. Għal din il-logħba kontra Lille jidher li kien hemm b’kollox 3,000 Ingliż li marru Franza jissaprotjaw lil Everton.

Sitwazzjoni simili, imma inqas vjolenti, kienet rappurtata fiċ-ċentru ta’ Milan qabel il-partita bejn Inter u St Etienne fejn anke f’dan il-każ spikkaw l-Ultras Franċiżi. Pjazza Duomo kienet dominata minn kaos totali, u għal xi ħin il-Franċiżi rnexxielhom jimblukkaw anke l-metro. Sa ftit minuti qabel il-partita kontra Inter, is-supporters ta’ St Etienne kienu għadhom barra l-istadium jixorbu u jisparaw bombi żgħar, b’uħud iqabbdu ammont kbir ta’ flairs.