Qorti

Iħebb għar-referee wara li keċċa żewġ players tal-Gżira waqt logħba tal-minors

Emanuel Ciantar ta’ 44 sena mill-Gżira ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin, li għal sena sħiħa ma jersaqx lejn l-ebda ground tal-football u li għal żmien sena ma jkellimx lir-referee Etienne Mangion, wara li aggredih waqt partita tal-minors bejn Gżira u Kirkop.

Il-partita ntlagħbet fil-ground tal-Mosta nhar it-Tnejn li għaddew, bl-inċident iseħħ għall-ħabta tad-9.00 p.m. wara li r-referee Mangion keċċa żewġ players tal-Gżira. Huwa ammetta l-akkużi kollha kontrih, dik li kkawża ġrieħi ħfief fuq l-imsemmi referee, fejn miċ-ċertifikat mediku rriżulta li spiċċa b’uġiegħ f’dahru u bi grif f’wiċċu.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Miriam Hayman fejn skont il-Malta Football Football Association, huwa għadu mniżżel bħala persuna fil-kumitat tal-minors tal-Gżira, iżda hu qal li ilu li rriżennja sitt xhur. Huwa ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika u użaha kliem abbużiv fil-konfront tar-referee.

Il-Qorti ordnat ukoll garanzija ta’ elf ewro fuq Ciantar, li huwa jitlef jekk b’xi mod jagħmel kuntatt mar-referee inkwistjoni. Għalih deher l-Avukat Chris Cilia filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella.