Lokali

Iktar cleaners jidħlu jaħdmu mal-gvern

Il-Minisru tat-Trasport Joe Mizzi jinsab f’kontroversja dwar l-impjieg tal-mara ta ħuh bħala cleaner mad-Dipartiment tat-Tindif Pubbliku.

Lourdes Camilleri kienet waħda mis-sebgħin impjegat li ġew ingaġġati full time mid-Direttorat tat-Tindif Pubbliku f’Ġunju li għadda.

Mistoqsi dwar dan l-impjieg, il-Ministru Mizzi wieġeb li hu ma kienx involut fl-għazla tagħha ghaliex il-mara ta’ ħuh ingħazlet mill-Bord tal-Evalwazzjoni.

L-impjieg ta’ iktar cleaners mad-Direttorat tat-Tindif Pubbliku qed ikun kkritikat ghall-fatt li dan qed ikabbar in-nefqa tal-gvern fejn il-pagi tad-direttorat issa telgħu għal seba miljun ewro minn 6.6 miljun ewro.

Il-gvern qed isostni li l-ingaġġ ta’ iktar cleaners kien meħtieġ biex jitnaddfu żoni turistiċi. Kelliem għall-Ministeru tat-Trasport kienet kwotata tgħid li s-70 cleaner kienu ngaġġati wara interview mill-bord tal-evalwazzjoni li kkunsidrat l-kapaċitajiet tagħhom, il-karattru u l-motivazzjoni fix-xogħol.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-impjegati mal-gvern komplew jiżdiedu kemm ilu li tela’ l-gvern Laburista tant li dawn żdiedu b’iktar minn 2000 fuq l-1500 ħaddiem tal-gvern li jirtiraw kull sena.