Il-Gvern Laburista qiegħed jaħtar persuna biex tmexxi inkjesti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni meta l-istess persuna hi konsulent mal-istess Ministeru.
Minn informazzjoni li ta fil-Parlament il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, jirriżulta li l-konsulent finanzjarju Paul Bonello, li fil-kampanja elettorali kien il-mistieden tal-Partit Laburista biex jindirizza mass meeting fit-3 ta’ Frar tal-2013, hu wieħed mill-konsulenti li għandu miegħu l-Ministeru tal-Edukazzjoni taħt ir-responsabbiltà u t-tmexxija tal-Ministru Evarist Bartolo.
Il-ħatra ta’ konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni li qiegħed jinħatar ukoll f’Bordijiet ta’ Inkjesti fl-istess Ministeru, tirriżulta minn informazzjoni li ta l-Ministru Bartolo għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Bartolo jgħid jekk minn Settembru tas-sena l-oħra sal-lum, għamilx jew hux qed jagħmel użu minn konsulenti, u jagħti lista tagħhom u l-informazzjoni marbuta mas-servizzi li joffru u s-salarji u perkaċċi li ngħataw jew li qed jingħataw.
Il-Gvern Laburista ħatar lil Paul Bonello bħala Konsulent Finanzjarju u jaħdem sa massimu ta’ 40 siegħa fix-xahar b’salarju li ma jaqbiżx is-somma ta’ €24,000. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħatar lil Paul Bonello bħala Konsulent tiegħu sal-1 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla.
Minbarra li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħatru bħala konsulent tiegħu, il-Ministru Bartolo diġà wkoll ħatar lill-istess Paul Bonello f’żewġ inkjesti interni fil-Ministeru – it-tnejn b’rabta ma fjask li sar fil-Ministeru fl-aħħar sena.
Il-Ministru Bartolo bħal, dan iż-żmien sena, kien ħatar lil Paul Bonello bħala Chairman biex imexxi l-inkjesta dwar ħruġ ta’ avviż li permezz tiegħu kien se jitwaqqaf l-istipendju għal studenti li jsegwu kors ta’ reviżjoni fil-livell ordinarju fi skejjel post-sekondarji.
Aktar riċenti fil-bidu ta’ dan is-sajf, il-Ministru Bartolo reġa’ ħatar lill-istess konsulent finanzjarju tiegħu, Paul Bonello, Chairman tal-Bord li investiga l-fjask li sar fil-ftuħ ta’ Skolasajf u Klabb 3-16, u li kien wassal biex l-iskola tibda diversi jiem wara kawża ta’ nuqqasijiet serji fit-tmexxija u fl-ippjanar ta’ Skolasajf għal din is-sena.