L-osservaturi u l-analisti qed isegwu b’attenzjoni t-taqbida għall-kontroll tas-settur tal-enerġija fil-Libja, waqt li l-gvernijiet rivali fi Tripli u z-zoni tal-Lvant qed jikkontestaw lil xulxin għall-poter. Madankollu, l-esportazzjoni taż-żejt mistennija tkompli meta l-entitajiet rivali għandhom l-interess li jkomplu jdaħħlu l-finanzi minn dan ir-riżors.
Fl-istess ħin, l-inċertezza qed tinħass, meta l-Libja, bħalissa, għandha żewġ gvernijiet u parlamenti. Dan mindu grupp armat, f’Awwissu, ħatar il-Prim Ministru tiegħu u ħataf ukoll il-ministeri fost il-kaos li qed jirrenja fil-Libja.
Il-Gvern Libjan elett kellu jittrasferixxi minn Tripli għal Tobruk u l-mexxejja ġodda fi Tripli, li huma bbojkottjati mid-dinja, ħatru Ministru taż-Żejt, Mashallah Zawi, li diġà qed jiddiskuti l-politika relatata. Zawi qed jisfida l-Gvern rikonoxxut tal-Prim Ministru Abdullah al-Thinni li kien poġġa lil Mustafa Sanallah bħala kap tas-settur taż-żejt.
Filwaqt li l-milizzji alleati ma’ Misrata ħatfu l-kontroll ta’ Tripli u waqqfu l-Parlament ‘alternattiv’, jidher li l-esportazzjoni taż-żejt mil-Libja, għalissa, mhix qed tkun effettwata mit-taqbida li tinvolvi diversi entitajiet politiċi u gruppi armati. Iżda l-industrija għadha ferm vulnerabbli waqt li l-gruppi armati qed jaħtfu z-zoni li jipproduċu ż-żejt jew jinsistu mal-awtoritajiet biex jirrispettaw it-talbiet tagħhom għall-flus.


