Għawdxin li xtaqu jagħmlu l-Baċċelerat fil-Kriminoloġija li beda jiġi offrut f’Għawdex stess fl-aħħar snin, ingħataw l-aħbar li dan il-kors mhux se jibqa’ jiġi offrut f’Għawdex.
Fl-aħħar snin b’koperazzjoni finanzjarja mal-Ministeru ta’ Għawdex, l-Universita’ ta’ Malta kienet qed toffri il-kors ta’ Baċċellerat fil-Kriminoloġija bl-istudenti jkollhom lectures fil-weekend f’Għawdex minn lecturers tal-Univerista’ ta’ Malta stess.
Dan l-istazzjon hu infurmat li minħabba l-ammont limitat tal-istudenti, fl-aħħar snin il-Ministeru għal-Għawdex kien joffri assistenza finanzjarja biex l-istudenti interessati li jagħmlu dan il-kors u li ma setgħux jinżlu Malta għall-kors fl-Universita’, jsegwu l-kors minn Għawdex stess.
Iżda minn din is-sena skolastika, jidher li l-Ministeru għal Għawdex ma baqax joffri l-assistenza finanzjarja, bil-konsegwenza li ma baqax sostenibbli għall-Universita’ ta’ Malta li toffri dan il-kors f’Għawdex. Dan wassal biex studenti nteressati li jsegwu dan il-kors sabu li taret mar-riħ l-aspirazzjoni tagħhom li jagħmlu dan il-Baċċelerat.
Persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li dawn id-decizjonijiet jnaqqsu l-opportunitajiet għal-żgħażagħ Għawdxin u ghal persuni li jaghzlu li jkomplu jistudjaw waqt li qed jaħdmu.