Iż-żieda fil-miżati tal-Matsec hi ‘taxxa fuq l-edukazzjoni’.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-uffiċċju tal-Matsec f’Tal-Qroqq, il-kelliem tal-Opposizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar qal li filwaqt li wieħed jistenna li s-sistema tal-Matsec tkun iffinanzjata b’mod sostenibbli, dan ma jfissirx li l-biċċa l-kbira tal-piż sabiex tintlaħaq din is-sostenibilita’ tintrefa’ mill-istudenti u l-familji tagħhom.
Joe Cassar qal li hemm numru kbir ta’ familji li jkollhom tfal b’sentejn jew tliet snin bejniethom u jinsabu f’sitwazzjoni fejn iż-żewġt itfal qed jagħmlu l-A Levels u l-O Levels fl-istess żmien. Dawn il-familji, kompla Joe Cassar, għandhom spiża addizzjonali ta’ madwar €140.
Student li se jagħmel għaxar eżamijiet tas-SEC, se jkollu jħallas mas-€70 iktar. Hu kompla li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo lanqas kellu d-diċenza li jagħmel studju dwar l-impatt soċjali ta’ dawn iż-żidiet fuq il-familji. Dan fl-isfond tal-aħbar ta’ dawn l-aħħar sigħat li l-ħaddiem se jingħataw żieda ta’ 58ċ għall-għoli tal-ħajja – l-inqas żieda tal-COLA f’għexieren ta’ snin.
Min-naħa l-oħra, kompla Joe Cassar, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma qgħadx jixxaħħaħ ma’ ta’ madwaru, b’eluf kbar ta’ ewro f’karigi waħda fuq oħra.
Tkellem ukoll il-kandidat ġdid tal-PN Justin Schembri li qal li l-element ta’ taxxa hu dovut għall-fatt li l-eżamijiet huma pass naturali fil-ħajja ta’ kull student u mhux xi forma ta’ konsum li tista’ timmodera jew taqta’. Justin Schembri qal ukoll li dawn iż-żidiet jistgħu iwasslu biex studenti ma jagħmlux eżamijiet ta’ suġġetti li huma meqjusin bħala ‘inqas importanti’.
//= $special ?>