Fl-istess jiem li l-Oppożizzjoni ressqet mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli mit-Trasport, Joe Mizzi, dwar problemi kbar ta’ traffiku f’arterja ewlenija bejn il-Mosta u Ħal Lija kawża ta’ tibdil li sar fl-istess arterja, il-Gvern immedjatament beda xogħlijiet ta’ titjib fl-istess jiem.
Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici, il-ġimgħa li għaddiet staqsa fil-Parlament lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa biex tiġi solvuta l-problema ta’ traffiku li qed jinġema’ fit-tarf ta’ Triq Pantar li tmiss ma’ Triq il-Belt Valletta fil-Mosta, liema sitwazzjoni nibtet meta nfetaħ l-aċċess minn Triq Pantar għal Triq il-Belt Valletta direzzjoni Birkirkara għal karozzi kollha u mhux tal-linja biss.
Jirriżulta li x-xogħlijiet ta’ titjib saru fl-aħħar jiem b’din il-ġimgħa stess, il-Ministru Joe Mizzi kkonferma fi tweġiba li ta għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista, li Transport Malta għamlet modifiki fis-sistema tal-horizontal line markings li jwasslu għal din il-junction.
It-tibdil li kien sar qabel meta s-sistema tat-traffic lights fid-direzzjoni lejn Birkirkara kienet infetħet għall-karozzi kollha, kien qed iwassal għal kjuwijiet kbar ta’ karozzi, inklulż tas-sewwieqa li riedu jsuqu fid-direzzjoni lejn il-Mosta u mhux lejn Birkirkara.
//= $special ?>