Lokali Parlament

Tattiċi politiċi ta’ Gvern biex jaħbi l-gideb u l-falliment

L-allegazzjonijiet u l-attakki li għamel il-Gvern u l-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament din il-ġimgħa kontra d-Deputat Nazzjonalista George Pullicino tfissru  bħala tattiċi tas-soltu tal-Partit Laburista biex ineħħi l-attenzjoni fuq il-falliment ta’ dan il-gvern u biex jintimidaw fuq materji li dan il-pajjiż għandu dritt li jitlob risposti għalihom. Tattiċi biex jaħbu n-nuqqas ta’ wegħdiet li qed jonqsu li jwettqu.
George Pullicino tkellem fil-Parlament waqt il-ħin tal-Aġġornament, dwar it-tattiċi tal-Partit Laburista fil-Gvern biex jiddevja l-attenzjoni minn materji serji billi jipprova jispara fuq il-kredibbiltà tiegħu.
Hu evidenti li l-ħidma politika tiegħu qed iddejjaq lill-Gvern għax kien hu li skopra dokument tal-Gvern pubbliku li bħal donnu ħadd ma nduna bih.
Id-dokument li l-Kap tal-Oppożizzjoni poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fid-dibattitu dwar il-mozzjoni dwar il-power station, fejn f’paġna 7 tad-dokument li l-gvern bagħat lill-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern iddikjara li l-impjant tal-BWSC hu impjant ta’ enerġija nadifa.
Dan ifisser, qal George Pullicino, li għall-ewwel darba dan il-Gvern f’dokument uffiċali jgħid li l-impjant mhux fabbrika tal-kanċer iżda impjant ta’ enerġija nadifa.
Spjega wkoll li għaliex għamel dmiru u ressaq għall-attenzjoni din id-dikjarazzjoni, qamu l-forzi tat-tattiċi li kapaċi jimxi bihom il-Partit Laburista biex jisparaw fuq il-kredibbiltà tiegħu.
Iżda fuq il-każ li qajjem il-Gvern, qal li m’għandu xejn x’jaħbi għaliex kien hu stess li mar għand il-Pulizija biex tinvestiga dak kollu li ġara fuq storja li kumbinazzjoni l-Ministru Konrad Mizzi użaha biex jiddevja l-attenzjoni fuq l-iskandlu tal-power station.
L-iskandlu fil-pajjiż mhux għax il-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi qalu li huma kapaċissimi u konvintissimi li se jibnu power station f’sentejn. Lanqas mhu skandlu waħdu dak li qal il-Prim Ministru li jekk ma jagħmilx dan jirriżenja. Iżda skandlu hu li gideb meta qabel l-elezzjoni qal li l-impjant tal-BWSC hu fabrika tal-kanċer, u issa f’dokument uffiċjali tal-Gvern jingħad li l-impjant uhu ta’ enerġija nadifa. U fuq din għandu jerfa’ r-responsabilta politika li gideb, għax jew gideb qabel l-elezzjoni jew qed jigdeb issa b’dak li kiteb.
Dwar it-track rekord tal-Ministru Konrad Mizzi, George Pullicino talab  lill-Ministru Mizzi jwieġeb għaliex f’Lulju tas-sena li għaddiet qal li sa Settembru kellu jippreżenta pjan nazzjonali ta’ enerġija nadifa rivedut, u sena wara li suppost tlesta, għadu ma ppreżentahx. Staqsa wkoll għaliex ma ħariġx sejħa oħra biex jisfrutta l-bjut tal-bini tal-Gvern, simili għall-inizjattiva li kien ħa l-gvern preċedenti favur politika ta’ enerġija nadifa fuq binjiet ta’ dipartiment tal-Gvern.
Il-Ministru Konrad Mizzi lanqas ta informazzjoni fuq sejħa li ħareġ il-Gvern is-sena li għaddiet li fiha talab lil dawk li għandhom art privata u interessati li jirreġistraw l-art tagħhom għall-pannelli fotovoltajċi. Il-Mnistru Mizzi ntalab diversi drabi jgħid kemm irreġistraw l-art u kemm area ġiet reġistarta, iżda baqa’ jaħbi din l-informazzjoni.
George Pullicino talab għal darb’oħra lill-Ministru Konrad Mizzi jwieġeb il-ħafna mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni, u anke tad-Deputat tal-Gvern Marlene Farrugia, meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq il-proġett tal-power station.
Staqsa x’inhuma r-raġunijiet għaliex ma twettqitx din il-wegħda għax sal-lum fid-dlam konna u fid-dlam bqajna  minn Ministru li suppost jagħtina d-dawl u minflok qed jagħtina ħabi u dlam biss. U dan minkejja li sa Ġunju li għadda kien għadu jgħid li l-proġett hu on track.
George Pullicino staqsa wkoll meta l-Prim Ministru u l-Ministru Mizzi se jgħidulna meta l-impjant tal-BWSC se jibda jaħdem bid-diesel minflok bil-HFO li għadu juża sal-lum. Iżda dan ikompli juri li l-kelma tal-Prim Ministru ma fihiex saħħa meta nafu li kien qal li bi switch jaqleb mill-HFO għad-diesel.
Dwar il-prezzijiet taż-żejt, George Pullicino qal li l-prezzijiet raħsu iżda l-poplu għadu jħallas bi prezzijiet ogħla, tant li llum il-poplu qed iħallas €6 aktar għal kull €30 diesel f’ġimgħa li jonfoq.