Sport

Chelsea jmorru jilagħbu f’Old Trafford

Bejn illum u nhar it-Tnejn jitkmompla l-Premiership Ingliż u l-attenzjoni bla dubju se tkun l-aktar fuq il-logħba f’Old Trafford bejn Manchester Utd u Chelsea. Il-Blues qed jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika fejn għandhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Manchester City. Id-distakk bejn Chelsea u Man Utd hu dak ta’ 10 punti u l-wirjiet tar-Red Devils dan l-istaġun ma tantx kienu daqstant sodisfaċenti. Madankollu konfront f’Old Trafford għal Chelsea hu dejjem konfront delikat. Il-liders għandhom problema fid-dipartiment tal-attakk hekk kif għandhom lil Loic Remy u lil Diego Costa neqsin. Matul il-ġimgħa Chelsea tilfu lil Remy fir-rebħa ta’ 6-0 li kellhom fiċ-Champions League kontra Maribor filwaqt li Diego Costa għandu problema fil-hamstring u matul il-ġimgħa kien qed isfori wkoll minn virus.

Dan ifisser li x’aktarx mal-ewwel 11 se jibda l-attakkant Didier Drogba u minkejja l-esperjenza li għandu dan il-plejer veteran wieħed irid jara hux se jkun f’kundizzjoni li jilgħab id-90 minuta. Kontra Maribor Drogba daħal minflok Remy u skurja penalty imma f’kummenti li ta l-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho qal li l-pjan kien li Drogba jilgħab biss madwar nofs siegħa minħabba li għadu mhux fl-aqwa kundizzjoni.

Filwaqt li Chelsea qed juru logħob mill-aqwa, Man Utd għandhom ‘il-lussu’ li setgħu jippreparaw għal din il-logħba diffiċli ġimgħa sħiħa minħabba li m’humiex impenjati fl-ebda kompetizzjoni Ewropea. Fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat Chelsea rebħu 2-1 barra minn darhom kontra Crystal Palace filwaqt li Man Utd, nhar it-Tnejn ġew draw 2-2 kontra West Bromwich Albion. Chelsea se jkollhom lil Azpilicueta nieqes minħabba li hu sospiż wara li tkeċċa kontra Palace.