Lokali

Ħidma importanti mill-Working Group Parlamentari favur politika nazzjonali dwar id-dijabete

Ħidma importanti mill-Working Group Parlamentari favur politika nazzjonali dwar id-dijabete

Qafas għal mudell leġiżlattiv u għal politika u strateġija nazzjonali tas-saħħa għall-kundizzjoni tad-dijabete kien ippreżentat mill-Working Group  Parlamentari dwar id-Dijabete lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.

Il-Working Group dwar id-Dijabete fl-istruttura tal-ħidma tal-Parlament, twaqqaf fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, u li hu mmexxi mid-Deputat Laburista Godfrey Farrugia, li flimkien ma’ membri oħra tal-Working Group dalgħodu ppreżentaw ir-rapport ta’ ħidma tal-Grupp Parlamentari li  ilu mwaqqaf u jaħdem minn April li għadda.

Fi ftit xhur, il-Working Group dwar id-Diabete ltaqa’ u ddiskuta ma’ 17-il stakeholder relatati mal-kura u l-kundizzjoni tad-dijabete f’pajjiżna, kundizzjoni li taffettwa kważi 10 fil-mija tal-popolazzjon, u eluf oħra li ma ma jkunux għadhom konxji mill-kundizzjoni.

L-Ispeaker faħħar l-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, u għax-xogħol importanti li sar taħt it-tmexxija ta’ Godfrey Farrugia, u li se jwassal biex aktar tard ix-xahar id-dieħel, meta jiġi mfakkar il-Jum Dinji tad-Dijabete, jingħata bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar din il-kundizzjoni u l-għażliet li jrid jagħmel pajjiżna biex titjieb il-kundizzjoni ta’ min ibati mid-dijabete, issir ħidma effettiva dwar l-edukazzjoni u l-prevenzjoni tad-dijabete, u tinbeda wkoll ir-riċerka biex pajjiżna wkoll ikun fuq quddiem fil-qasam tar-riċerka dwar id-dijabete.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fisser kif  din hi ħidma li fiha l-Parlament ingħaqad flimkien f’ambjent politiku mhux ta’ konfrontazzjoni, u qed jippreżenta wkoll mudell ġdid kif issir il-politika fl-interess u għall-ġid tal-poplu tagħna.

Il-ħidma li saret u li se tkompli ssir fil-ġimgħat li ġejjin, se twassal biex il-11-il membru parlamentari ta’ dan il-Working Group, jippreżentaw flimkien mozzjoni fil-Parlament għal-leġiżlazzjoni li tirregola u ddaħħal kunċetti ġodda dwar il-kura, is-saħħa u l-prevenzjoni tal-kundizzjoni tad-dijabete, kif pajjiżna għandu diġà fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali.

Ir-rapport ippreżentat, bit-tema ‘Health Choices’, jaċċenna ħafna fuq l-importanza tar-riċerka. Iċ-Chairman tal-Working Group, Godfrey Farrugia, ħabbar li l-Università ta’ Malta se tingħaqad mal-Università ta’ Sheffield, li flmkien mal-isptarijiet ta’ Sheffield u ta’ Mater Dei, se tkun qed titmexxa riċerka fuq 600 persuna f’kull pajjiż bil-kundizzjoni tad-dijabete. Biex tkompli tissaħħaħ ir-riċerka fuq dan il-qasam, se ssir ukoll talba għal fondi Ewropej.

Il-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete se tippreżenta wkoll ir-rapport lis-Segretarjat tas-Saħħa biex tkompli l-ħidma wkoll mill-Gvern dwar il-qafas ta’ din il-politika u l-istrateġija nazzjonali dwar is-saħħa tad-dijabete.