Editorjal Lokali

Is-sehem tal-ħafna fil-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista

Illejla se tibda tiltaqa’ l-ewwel Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li tkompli għada u nhar il-Ħadd f’San Ġiljan. Din hi l-ewwel darba li qed tiltaqa’ Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista għax dan hu korp ġdid li nħoloq bl-aħħar emendi fl-istatut tal-Partit Nazzjonalista.

 
Korp ġdid għall-membri kollha tal-Partit Nazzjonalista

L-idea tal-Konvenzjoni Ġenerali twieldet u twettqet biex il-membri tal-Partit Nazzjonalista jkollhom korp fejn jagħtu sehem dirett waqt li l-Partit Nazzjonalista jgawdi s-sehem tal-ħafna mhux biss fis-sħubija bħala tesserati, imma wkoll is-sehem tal-ħafna fil-kontribut tagħhom u s-sehem tal-ħafna fl-ideat.

 
‘Idea Malta’

U għalhekk it-tema ta’ din l-ewwel Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista hi ‘Idea Malta’. Għax il-Partit Nazzjonalista jrid li jgħid x’inhi l-viżjoni alternattiva tiegħu għal Malta, kif jara lil Malta tiżviluppa fil-futur u kif jixtieqha tiżviluppa.

 
L-ideat anke ta’ nies minn barra l-Partit Nazzjonalista

U għalhekk qed jistieden anke nies mis-soċjetà ċivili u minn għaqdiet volontarji, nies anke li mhumiex membri tal-Partit Nazzjonalista, biex jisma’ l-ideat u l-aspirazzjonijiet ta’ ħafna nies f’ħafna setturi differenti.

 
Kif nixtiequ naraw lil Malta tiżviluppa fis-snin li ġejjin?

‘Idea Malta’ għax waqt il-Konvenzjoni Ġenerali l-Partit Nazzjonalista jrid jisma’ l-ideat ta’ bosta nies, anke dawk li mhumiex neċessarjament fil-Partit Nazzjonalista, dwar kif huma wkoll jixtiequ jaraw lil Malta tiżviluppa fis-snin li ġejjin.

 
Gvernijiet li jaf jittaqqlu bil-kompromessi u wegħdi fiergħa

Fid-demokraziji, hemm il-gvernijiet u hemm l-oppożizzjonijiet. Ħafna drabi ssib li l-gvernijiet ikunu mtaqqlin bil-kompromessi u l-wegħdi konfliġġenti li jkunu għamlu qabel telgħu. Ftit wara li jitilgħu, ħafna jibdew jaraw in-nuqqasijiet f’dak li wegħdu.

 
Oppożizzjonijiet fid-dmir li jfasslu policies tajbin għax maħsubin sewwa

L-oppożizzjonijiet, min-naħa l-oħra, b’aktar spazju għall-ħsieb, jistgħu jkollhom rwol importanti ħafna li jfasslu policies li verament ikunu jistgħu jitwettqu, li ma jkunux biss wegħdi fiergħa u kompromessi imma policies tajbin għax maħsubin sewwa.

 
Partit miftuħ għall-kontribut u l-ideat tal-ħafna

Waqt li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħti opportunità lil kulħadd li jkollu sehem sħiħ fit-tfassil tal-policies tal-Partit Nazzjonalista anke mill-Oppożizzjoni, qed jagħti wkoll sinjal ta’ x’tip ta’ partit u x’tip ta’ Gvern irid ikun fil-futur: miftuħ għall-kontribut u l-ideat tal-ħafna.