Lokali

Il-Korp tal-Pulizija m’għandux flus

F’laqgħa nhar il-Ħamis l-ogħla Fizzjali fil-Korp tal-Pulizija ngħadilhom li l-flus allokati għall-Korp spiċċaw u għalhekk meta jiġu biex jonfqu xi ħaġa joqogħdu attenti immensament

Il-Korp tal-Pulizija m’għandux flus. Il-flus allokati lilu ilhom li spiċċaw bir-riżultat li sa nhar il-Ħamis stess waqt laqgħa għall-Assistenti Kummissarji u s-Supretendenti, ġiet komunikata lilhom l-ordni li kull infiq mhux biss irid isir b’mod ordnat, imma kull infiq irid isir jekk verament meħtieġ u tassew neċessarju. Mill-bqija jekk l-oġġetti jistgħu ma jinxtrawx, ma jinxtrawx sakemm ikun approvat baġit ieħor għall-Korp tal-Pulizija.

Sorsi fil-Korp tal-Pulizija qalu lil In-Nazzjon li s-sitwazzjoni fil-Korp tal-Pulizija issa saret waħda mhux biss redikola għall-aħħar u turi f’liema dilettantiżmu l-Korp waqa’, imma s-sitwazzjoni issa qed issir waħda tassew preokkupanti.

In-Nazzjon, grazzi għall-informazzjoni minn ġewwa l-Korp tal-Pulizija stess, jista’ jiżvela kif hemm min imur għal ċerti affarijiet bażiċi, bħal ħwejjeġ, u jgħidulu li ma jistgħux jaqduh għax mhux biss l-oġġetti spiċċaw, iżda ma jistax isir ordni mill-ġdid tagħhom għax il-Korp m’għandux flus.

Ħarsa lejn il-Garaxx tal-Pulizija turi bl-aktar mod ċar kif il-Korp spiċċa fixxa fil-flus. Mhux biss ammont ta’ vetturi weqfin, iżda issa lill-Fizzjali tal-Kwartieri Ġenerali, fosthom anki Spetturi, qed imorru għalihom saħansitra fil-prison van jew b’vann ieħor għax m’hemmx karozzi biżżejjed. Dan juri bl-aktar mod ċar kif mhux biss hemm ħafna karozzi bil-ħsara u m’hemmx flus biex jissewwew, iżda anqas hemm flus biex jinxtraw karozzi ġodda.

Każ ieħor li In-Nazzjon hu infurmat bih hu dwar kif xi ġimgħa ilu xi uffiċjali marru wkoll biex ibiddlu t-toner ta’ xi kompjuters iżda qalulhom li ma hemmx toners ġodda għax ma kienx hemm flus biex jinxtraw dawn it-toners. Ir-risposta għall-mistoqsija dwar kif se jipprintjaw xi xogħol, kienet “araw kif tiddubbaw”.

Sitwazzjoni redikola oħra hi dik b’rabta mal-Għassa tal-Pulizija l-ġdida f’Wied il-Għajn fejn permezz ta’ karta b’kitba fuqha permezz ta’ pinna ħoxna tavża lin-nies li l-Għassa hi magħluqa u li tkun miftuħa aktar tard.

Fil-laqgħa tal-Ħamis li għadda, li kienet indirizzata mid-Deputat Kummissarju Andrew Seychell flimkien man-nies tal-accounts, kien diskuss ukoll każ li l-Pulizija qed tiffaċċja bħalissa fil-Qorti b’konnessjoni ma’ barrani li għaddej bi proċeduri dwar abbuż tal-eks sieħba tiegħu.

Nifhmu li l-Pulizija, għal xi raġuni, qed tibża’ li titlef dan il-każ.