Lokali

Il-Pulizija rrabjati għall-Gvern li jibqa’ jċaħħadhom mill-arretrati dovuti lilhom

Issa qed jistennew li fil-Baġit li jmiss il-Gvern jgħidilhom b’mod preċiż meta se jagħtihom il-flus imwiegħda lilhom

Manuel Mallia, il-Ministru responsabbli mill-Pulizija, li sa aktar kmieni din il-ġimgħa stess hedded lill-Pulizija biex ma jgħaddux informazzjoni lill-ġurnalisti, qiegħed ikun mistenni minnu li llum qabel għada jonora l-wegħda tal-Partit Laburista li jagħti €14-il miljun f’arretrati dovuti lill-Pulizija għall-perjodu bejn l-1993 u l-1997.

Sa qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, il-Partit Laburista ripetutament wiegħed lill-Pulizija li darba jkun fil-Gvern, kien se jagħtihom €14-il miljun f’arretrati. Il-Pulizija kienu emmnu dik il-wegħda u bosta, imqarrqa, ivvutaw lill-Partit Laburista. Madankollu sal-lum mhux biss ma ħadu l-ebda ċenteżmu minn dawn l-arretrati, talli l-Gvern Laburista qajla jsemmihom.

Maltarightnow.com, wara li kellmuna diversi Pulizija, indaga din l-istorja u sab li l-oriġini tagħha tmur lura għall-1993 meta l-Pulizija kienu jagħmlu volum ta’ xogħol addizzjonali u kienu jagħmlu bosta sigħat ta’ xogħol extra. Għal dan ix-xogħol dejjem kienu mwiegħda li se jitħallsu, iżda ripetutament, filwaqt li x-xogħol baqa’ jsir kif ordnat, il-Pulizija baqgħu ma tħallsu qatt.

Matul il-leġiżlatura preċedenti Carm Mifsud Bonnici, li kien il-Ministru responsabbli mill-Intern, kellu diversi diskussjonijiet mal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u anki ma’ Tonio Fenech li kien il-Ministru tal-Finanzi biex il-flus akkumulati matul is-snin lil dawn il-Pulizija jitħallsu u hekk din il-problema tkun solvuta darba għal dejjem.

Oriġinarjament il-Pulizija kienu qed jitolbu mal-€50 miljun f’arretrati. Huma kienu qed jgħidu li l-volum tax-xogħol li kellu jitħallas għal dak il-perjodu 1993-1997, kien jammonta għal din iċ-ċifra.

Madankollu minn diversi studji u analiżi ta’ files, il-Ministeru tal-Intern dak iż-żmien kien stabbilixxa li ċ-ċifra dovuta lill-Pulizija kienet ferm u ferm inqas.
Diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati – fosthom il-Ministru u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija – kienu wasslu sal-punt fejn il-Pulizija niżżlu ċ-ċifra tal-arretrati dovuta lilhom għal €11/€12-il miljun. Min-naħa tiegħu l-Ministeru tal-Intern, biex jaqta’ din il-problema darba għal dejjem, kien wasal biex offra s-somma ta’ €6/€7 miljun.

U wasal l-ewwel Baġit u ma tlissnet l-ebda kelma. U wasal it-tieni Baġit u għal darba oħra l-Pulizija baqgħu b’xiber imnieħer bid-diżappunt tagħhom jikber kuljum għaliex issa qed iħossuhom ingannati u ttraduti b’din il-wegħda qarrieqa li sa issa ma jidhirx li hemm ħjiel li se tissarraf!