Il- Ministru Michael Farrugia, responsabbli mis-settur tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, ma qalx min huma l-persuni fuq il-bord tal-għażla li jagħżlu l-anzjani biex jidħlu f’dar residenzjali tal-Gvern.
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli staqsa fil-Parlament lill-Ministru Farrugia, jgħid min qed jiddeċiedi l-prijorità ta’ liema anzjani jidħlu f’dar residenzjali tal-Gvern. Staqsa wkoll min huma l-persuni fuq dan il-bord tal-għażla u x’inhuma l-kriterji li qed jimxi fuqhom dan il-bord tal-għażla.
Il-Ministru Michael Farrugia wieġeb biss li l-proċess tal-għażla għad-dħul fir-Residenza San Vinċenz de Paule, kif ukoll fid-djar residenzjali tal-Gvern, huwa kompletament f’idejn tim professjonali u multi dixxiplinarju kkordinat minn konsulenti ġerjatriċi.
Filwaqt li ma għamel ebda referenza għal min huma l-persuni fuq il-Bord tal-Għażla, il-Ministru Farrugia spjega, minflok, li dan it-tim jieħu ħsieb jeżamina kull applikazzjoni billi jħarsu lejn l-aspetti differenti li jinkludu dawk mediċi, soċjali u fiżiċi, kif ukoll il-livell ta’ dipendenza tal-individwu li jirriżulta mill-evalwazzjoni, biex b’hekk tkun tista’ tingħata prijorità għad-dħul f’post addattat għall-bżonnijiet tiegħu.
Għal mistoqsija oħra li saret lill-istess Ministru Farrugia minn Clyde Puli, jirriżulta li f’Marzu ta’ din is-sena kien hemm 1,935 applikazzjoni fil-lista ta’ stennija għad-dħul fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern jew fi djar residenzjali mikrijin mill-Gvern, u sal-lum hemm 1,950 applikazzjoni .
Il-Ministru Farrugia baqa’ ma qalx min huma n-nies li ntgħażlu minn din l-amministrazzjoni fuq il-Bord tal-Għażla.
//= $special ?>