Dan il-Forum, wara li sema’ diversi professjonisti, partikolarment lin-Nutara, jidhirlu illi il-Gvern għandu jestendi sat-30 ta’ Ġunju 2015, (almenu għar-rigward dawk l-avviżi ta’ konvenji ta’ bejgħ jew ta’ trasferimenti li jkunu ingħataw bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u il-31 ta’ Diċembru 2014), il-konċessjoni mogħtija, permezz ta’ l-Avviż Legali 393 ta’ l-2013, u fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2014, għar-rigward trasferimenti ta’ proprjetà immobbli, li jkunu saru fi jew wara l-5 ta’ Novembru 2013, lil persuni li jikkwalifikaw għal konċessjoni mit-taxxa skont l-artikolu32(4)(a) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, fejn ma titħallas l-ebda taxxa fuq l-ewwel mija u ħamsin elf euro (€150,000) tal-valur sħiħ tal-korrispettiv imħallas għall-akkwist ta’ dik il-proprjetà minn persuna, meta din tkun l-ewwel proprjetà immobbli akkwistata inter vivos minn dik il-persuna.
Fi stqarrija il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista, saħaq li din il-proposta qiegħda ssir peress illi hemm numru konsiderevoli ta’ first time buyers li approfittaw ruħhom minn din il-miżura, u diġa jirriżulta biċ-ċar li ser ikun hemm problemi matul ix-xahar ta’ Diċembru 2014, sabiex jiġu ppubblikati il-kuntratti kollha, sa’ l-aħħar ta’ Diċembru 2014, kif jitlob l-imsemmi Avviż Legali, u ġia qed jinħoloq dewmien sia fil-ħruġ ta’ Sanction letters, Form E’s mir-Reġistru ta’ l-Artijiet, u oħrajn. B’hekk jista’ jwassal illi diversi xerrejja li fil-maġġoranza tagħhom huma żgħażagħ li għadhom jibdew id-dinja jispiċċaw jitilfu l-benefiċċju offrut b’din l-iskema.
Din il-proposta, jekk tiġi attwata, għanda tagħti nifs lill-impjegati tal-banek, periti, impjegati tar-Reġistru ta’ l-Artijiet, dawk tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, u fuq kollox lin-nutara u lill-avukati. Din il-miżura għandha wkoll tevita milli jseħħu żbalji bla bżonn mill-professjonisti konċernati u dan minħabba pressjoni żejda li jridu jaħdmu fiha minħabba għaġġla żejda fid-dawl ta’ deadline daqshekk ristrett, b’riskju l-aktar għax-xerrejja prospettivi.
Il-Forum ikkonkluda billi jagħti l-appoġġ tiegħu lill-professjonisti involuti u b’ħeġġa jinkoraġġixxi lill-Gvern sabiex jekk ser tingħata din l-estensjoni, din titħabbar malajr kemm jista’ jkun sabiex tintemm kwalunkwe spekulazzjoni, u fl-istess ħin, tnaqqas il-pressjoni bla bżonn fuq il-persuni involuti.
//= $special ?>