L-ewwel Konvenzjoni Ġenerali li organizza l-Partit Nazzjonalista kienet inawgurata lbieraħ filgħaxija fil-Lukanda Corinthia San Ġorġ f’San Ġiljan. It-tema ta’ din il-Konvenzjoni hi IDEA MALTA.
L-attività bdiet b’introduzzjoni mill-President tal-Konvenzjoni Ġenerali Rosette Thake. Fl-ewwel sessjoni, imbagħad, bit-tema IDEAT U IDEALI, tkellmu Dr David Griscti, Prof. Joseph M. Pirotta u Dr Joseph Cassar. Is-sessjoni tal-bieraħ għalqet għall-ħabta tad-9.30 p.m. b’dibattitu interessanti bejn il-Professur Oliver Friggieri u Godfrey Grima.
Il-Konvenzjoni tkompli llum bit-tieni sessjoni bit-tema IL-ĦOBŻA TA’ KULJUM b’diskorsi minn Marisa Xuereb (Raesch Quarzglas Malta) u Ivan Bartolo (6pm Ltd). It-tielet sessjoni, bit-tema UGWALI MHUX L-ISTESS, tinkludi diskorsi minn Amy Zahra, Tonio Caruana, Naomi Bugre, Dr Jacqueline Azzopardi u Alex Mangion. Ir-raba’ sessjoni, bit-tema 2014+ tinkludi diskorsi dwar il-viżjoni għal Malta tal-futur minn Dr Michael Briguglio, James Debono, Marica Mizzi u Jonathan Shaw. Imbagħad ikun hemm siegħa ta’ interactive workshops u l-Konvenzjoni tkun aġġornata għal għada l-Ħadd fl-10 a.m. bit-tema MINN GĦADA T-TNEJN.
Matul is-sessjoni ta’ għada jkun hemm feature dwar it-temi diskussi u x’sar waqt il-workshops, u mbagħad round up speech mill-President tal-Konvenzjoni Ġenerali dwar ix-xogħol li sar waqt il-Konvenzjoni u fuq il-pjan ta’ azzjoni għall-partit ispirat minn dak li ssawwar fil-jiem ta’ qabel.
Il-Konvenzjoni Ġenerali tintemm b’diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.